Aġġornata: Tancred Tabone u Frank Sammut se jibqgħu ħielsa mill-arrest

Fil-Qorti ġie deċiż li Tancred Tabone u Frank Sammut se jibqgħu ħielsa mill-arrest, imma ħraxu l-kundizzjonijiet tal-libertà tagħhom. Id-depożitu personali żdied għal €25,000 minn €3,000. Dan filwaqt li l-garanzija personali issa hija ta’ €75,000 minflok €15,000.

Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li l-Avukat Ġenerali talab revoka tal-libertà proviżorja taż-żewġt irġiel.

Tabone huwa l-eks chairman tal-Korporazzjoni Enemalta filwaqt li Sammut huwa l-eks Kap Eżekuttiv tal-MOBC u konsulent tal-Enemalta. It-tnejn huma akkużati b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Jekk jinstabu ħatja, jistgħu jingħataw piena ta’ 15-il sena ħabs.

Minbarra pleġġ u garanzija personali, kellhom ukoll l-assi kollha ffriżati.

Fil-Qorti ngħad li Frank Sammut spjega lill-Pulizija li l-flus kienu jgħaddu lilu mingħand Trafigura. Din il-kumpanija kienet qed tagħti ż-żejt lill-Enemalta, wara s-somma kienet tinqasam ma’ Tancred Tabone. Sammut kien iħallas lill-eks Chairman Tabone f’kontanti, jew inkella kien jittrasferixi l-flus minn kont bankarju fl-Iżvizzera. Dan kien ilu għaddej numru ta’ snin. L-Assistent Kummissarju qal li Sammut irċieva mal-$80,000.

L-Avukat Ġenerali mistenni jinsisti li ż-żewġ akkużati jinżammu l-ħabs. Qal li Sammut u Tabone ħolqu allarm soċjali u mminaw il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet statali u fil-finanzi pubbliċi.

L-avukata Elaine Rizzo Mercieca mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali qalet li Tabone u Sammut kienu fost l-għola awtoritajiet fl-Enemalta, u l-iskema li fihom huma nvoluti ġġib l-eluf ta’ ewro fuq medda ta’ żmien. Kompliet li dan jagħmel ir-reat wieħed serju ħafna, u wieħed ma jistax jissogra li dan ifittxu refuġju f’pajjiżi ieħor.

Tenniet ukoll li l-libertà proviżorja li ingħatat liż-żewġ akkużati ħolqot allarm pubbliku għax ma tirriflettix il-gravità tal-akkużi.

L-avukat difensur ta’ Sammut qal li hemm bżonn wieħed jiftakar li l-liġi tagħti liż-żewġ akkużati l-preżunzjoni tal-innoċenza.

L-avukata ta’ Tancred Tabone, Giannella Demarco, qalet li s-serjetà tar-reat ma tridx tiġi injorata, iżda fl-istess waqt ma tistax tkun ir-raġuni ewlenija għaliex jinżammu l-irġiel.