Aġġornata: Il-Qorti tiċħad l-appell tal-Avukat Ġenerali kontra Repubblika

Read in English.

Il-kawża ta’ Repubblika kontra l-Gvern dwar kif jinħatru l-maġistrati u l-imħallfin se tkompli quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali li l-assoċjazzjoni Repubblika m’għandhiex dritt tikkontesta fil-qrati l-indħil tal-gvern fil-ħatriet tal-maġistrati u l-imħallfin.

Dan ifisser li l-kawża ta’ Repubblika kontra l-Gvern dwar kif jinħatru l-maġistrati u l-imħallfin se tkompli quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

L-Avukat Ġenerali kien talab lill-Qorti tal-Appell twaqqaf il-kawża ta’ Repubblika minħabba li skontu, il-Kostituzzjoni u t-Trattat tal-Unjoni Ewropea ma jagħtuhiex id-dritt li tagħmel kawża bħal din. Il-Qorti ċaħdet dan l-appell.

Repubblika fi stqarrija qalet li l-Qorti qablet mal-Avukat Ġenerali li l-Ministru Owen Bonnici m’għandux għalfejn jibqa’ jwieġeb f’dan il-każ iżda minflok, il-kawża għandha tkompli kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Repubblika li tordna lill-Gvern milli jkompli bil-ħatriet ta’ Imħallfin u Maġistrati ġodda sakemm tiġi deċiża l-kawża ta’ Repubblika fuq il-merti tagħha.

Il-Qorti tal-Appell ma ntalbitx tidddeċiedi fuq il-merti tal-kawża, jiġifieri li l-metodu kif jinħatru l-imħallfin u l-maġistrati hu kontra l-prinċipji tal-indipendenza tal-ġudikatura u tas-smigħ xieraq. Il-Qorti tal-Appell illum iddekretat li l-mertu tal-kawża ta’ Repubblika jinstema’ issa mill-Qorti Kostituzzjonali.

“l-qorti tosserva illi tagħraf illi l-liġi ma hijiex statika u illi, ukoll mingħajr bidla fil-liġi statutorja, dak li kien tajjeb u validu fl-imgħoddi mhux bilfors jibqa’ tajjeb u validu llum. Fi kliem ieħor, il-fatt li mħallfin u maġistrati dejjem hekk inħatru fl-imgħoddi, u ma kien hemm xejn ħażin li sar hekk, ma jfissirx bilfors li llum dan il-metodu ta’ ħatra għadu sodisfaċenti. Dan qiegħed jingħad partikolarment – għalkemm għal kollox mingħajr mal-qorti b’xi mod tippreġudika l-kwistjoni – fid-dawl tal-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ta’ Venezja.

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet preseduta mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi flimkien mal-Imħallfin Noel Cuschieri u Giannino Caruana Demajo.

Il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ġustizzja kienu rappreżentati mill-Avukat Ġenerali Peter Grech filwaqt li Repubblika hi rappreżentata mill-avukati u żewġ Membri Parlamentari Simon Busuttil u Jason Azzopardi.

Il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa ddeskriva din l-aħbar bħala “rebħa storika” fil-Qrati Maltin.

Id-deċizjoni tal-Qorti Kostituzzjonali ma jżommx lill-Gvern milli jaħtar aktar membri tal-ġudikatura”

Intant, fi stqarrija, il-Gvern qal li d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, mhux qed żżomm lill-Gvern milli jaħtar aktar membri tal-ġudikatura.

Il-Gvern qal li l-Qorti ċaħdet t-talba tal-assoċjazzjoni Repubblika u naqset milli ddikjara li l-proċedura tal-ħatra tal-Imħallfin u Maġistrati ma tmur kontra d-drittijiet tal-bniedem u kontra l-liġi Ewropea.

Il-Qorti ċaħdet ukoll s-sottomossjonijiet ta’ Repubblika li hemm xebħ bejn is-sitwazzjoni taħt il-liġi Maltija u dik kienet soġġettata għal kawża tal-Kummissjoni Ewropea kontra l-Polonja.

Il-Gvern qal li l-Qorti Kostituzzjonali llimitat ruħha li tordna li kawża tinstema’ quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili dwar jekk is-sistema ta’ ħatriet ta’ ġudikaturi tmurx kontra l-liġi Ewropea.

Min-naħa tagħha, l-assoċjazzjoni Repubblika qal li kuntrarju għal dak li jgħid il-Gvern, il-qorti mhux biss kkonfermat li hi għandha dritt tkompli b’din il-kawża minħabba l-ksur tat-trattat tal-Unjoni Ewropea iżda wkoll l-assoċjazzjoni għandna d-dritt li nikkontestaw liġi li toħroġ mimill-kostituzzjoni. L-assoċjazzjoni qalet li l-gvern ipprova jwaqqafna milli nagħmlu dan u llum il-Qorti tal-Appel ċaħditu.

Repubblika appellat lill-Gvern għall-prudenza billi minn jeddu jieqaf jagħmel ħatriet oħra. Dan l-appell sar ukoll mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Repubblika fakkret lill-gvern li l-qorti llum wissiet li mhix skuża li l-liġi ma nbidlitx u li dak li kien tajjeb fl-imgħoddi mhux bil-fors għadu tajjeb illum. L-għaqda qalet li b’dan l-istess prinċipju jekk issa fil-qorti kostituzzjonali jew fil-qorti Ewropea fil-Lussemburgu jirriżulta li għandna raġun– li nemmnu li għandna – u li l-ħatriet li saru f’April 2019 tal-ġudikanti direttament mill-prim ministru jiksru il-kostituzzjoni u t-trattat tal-Unjoni Ewropea, ikun jista’ jfisser li l-ħatriet li għamel wara li bdejna din il-kawża jirriżultaw invalidi. 

“Dan jista’ ikollu konsegwenzi serji ferm li mhux biss ifissru l-invalidità tal-ħatriet imma wkoll l- invalidità tad-deċiżjonijiet kollha li jkunu ħadu l-ġudikanti maħtura f’April 2019,” qalet Repubblika.