Il-Qorti tiċħad l-appell kontra s-Central Link

Infrastructure Malta

Read in English.

It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ċaħad l-appell li sar minn seba’ individwi u xi għaqdiet biex jiġi rtirat il-permess tal-proġett tas-Central Link. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg.

Central Link: “Erġgħu aħsbuha” – NGOs lill-Gvern u lill-PA

Fuq Facebook, il-Ministru Borg saħaq li “wasal iż-żmien li nagħtu lir-residenti ta’ Birkirkara, Ħal Lija, Ħal Balzan, Ħ’Attard u nħawi oħra fiċ-ċentru ta’ Malta is-soluzzjoni li ilhom għexieren ta’ snin jistennew”.

F’Awwissu, li għadda, 15-il NGO tal-ambjent u residenti appellaw fil-Qorti kontra l-permess biex isir il-proġett tas-Central Link. Sostnew li dan huwa appell għall-ambjent, għas-saħħa tar-residenti u għas-sostenibilità; imma l-iżjed appell kontra l-abbuż tas-sistema tal-ippjannar għall-bini.

Aqra: “Infrastructure Malta tmexxi bla permessi; il-ħsara ma titranġax” – 15-il NGO u residenti

Dan għaliex sostnew li Infrastructure Malta għandha tendenza tmexxi bix-xogħlijiet mingħajr permessi meħtieġa, u b’hekk kull appell ikun għalxejn, għax il-ħsara tkun diġà saret.

Il-Ministru Borg żied jgħid li is-Central Link Project issa ġie skrutinjat mill-Kummissjoni Ewropea, minn tim ta’ esperti indipendenti u minn żewġ bordijiet. Dawn kollha kkonfermaw li għandu jitwettaq. 

Aqra: €20,000 f’24 siegħa biex jisfidaw il-proġett tas-Central Link

Minn naħa tagħha Infrastructure Malta laqgħet id-deċiżjoni u stqarret li dan jikkonferma mill-ġdid is-Central Link Project bħala s-soluzzjoni biex jissolvew il-problemi tal-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja.

Infrastructure Malta tilqa’ d-deċiżjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar li kkonferma mill-ġdid is-Central Link Project bħala s-soluzzjoni biex jissolvew il-problemi tal-konġestjoni u tniġġis tal-arja li ilhom ħafna snin jifnu r-residenti ta’ Birkirkara, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard u nħawi oħrajn fil-madwar. Insistiet li d-deċiżjoni tat-Tribunal tikkonferma wkoll il-validità tal-istudji li saru bi tħejjija mit-tim ta’ esperti, ekonomisti, periti, inġiniera u tekniċi li kienu fdati bl-ippjanar u l-konsultazzjoni tal-proġett.