Filmat: Central Link: “Kellna raġun nikkumbattu l-irwiefen” – Borg

Read in English.

Dalgħodu l-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell sottomess minn 18-il għaqda u għadd ta’ residenti dwar il-proġett tas-Central Link. F’Diċembru tal-2019, il-Qorti rrifjutat it-talba biex ix-xogħol jieqaf b’mod temporanju. Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li kellhom raġun jikkumbattu l-irwiefen.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħ’Attard, Infrastructure Malta laqgħet id-deċiżjoni tal-Qorti. Infrastructure Malta qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti hija l-ħames konferma konsekuttiva tal-proġett tas-Central Link. Qalet li dan minkejja diversi tentattivi minn xi individwi li ppruvaw iwaqqfu l-implementazzjoni tal-proġett fil-aħħar xhur. Is-CEO ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi qal li l-proġett għandu jitlesta sa nofs l-2021.

Il-Ministru Borg qal li din id-deċiżjoni tal-Qorti kompliet tikkonferma li “kienu qegħdin fit-triq it-tajba.” Qal li dan il-proġett ilu jinħema mis-sittinijiet, iżda dak iż-żmien kien iffukat iżjed fuq il-bypass ta’ Ħ’Attard. Żied jgħid li dan juri wkoll li l-Awtorità tal-Ippjanar, li sa xahar ilu kienet għadha responsabbiltà tiegħu, imxiet sew.

Intant dawk li kienu qed jappellaw il-proġett, esprimew id-diżappunt tagħhom lejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.

Fi stqarrija konġunta, it-18-il organizzazzjoni u l-assoċjazzjonijiet tar-residenti qalu li issa qed jistudjaw id-deċiżjoni sabiex jesploraw x’passi legali oħrajn jistgħu jieħdu.

L-appellanti spjegaw kif il-Qorti llum esprimiet id-diżappunt tagħha kif il-proġett beda qabel il-każ ma ġie deċiż.

L-organizzazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet huma: il-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, Attard Residents Environment Network, Bicycle Advocacy Group, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, Għaqda Bdiewa Attivi, Għaqda Siġar Maltin, Greenhouse, Isles of the Left, Malta Youth in Agriculture Foundation, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta, Ramblers Association, The Archeological Society of Malta, The Mindful Warriors.

Filmat: Miguela Xuereb