Il-Qorti tiċħad it-talba biex Fenech jinħeles “għax is-seduti sospiżi”

REUTERS Yara Nardi

Read in English.

Yorgen Fenech, in-negozjant akkużat li hu l-moħħ wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ressaq applikazzjoni l-qorti sabiex jinħeles mill-arrest preventiv ladarba s-seduti kollha huma sospiżi minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Dalgħodu, Fenech tressaq il-qorti taħt ċirkustanzi straordinarji b’rabta mal-avviż legali maħruġ taħt l-Att tas-Saħħa Pubblika li waqqaf il-każijiet kollha fil-qorti ħlief dawk meqjusin urġenti.

L-avukati ta’ Fenech ilbieraħ ressqu applikazzjoni l-qorti bl-argument li ladarba l-proċeduri kollha tal-qorti jinsabu weqfin b’mod indefinit minħabba l-coronavirus, li hu jinżamm arrestat huwa illegali, u għalhekk talbu li jinħeles immedjatament.

Madankollu, il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, irrifjutat it-talba u qalet li l-applikant kien żbaljat meta qal li l-arrest tiegħu huwa illegali, u sostniet li meta jrid, jista’ jitlob għall-ħelsien mill-arrest. Skont l-Imħallef, l-akkużat kien żbaljat meta assuma li l-ħelsien mill-arrest se jiġi rrifjutat.

Il-Qorti ssuġġeriet li l-leġiżlatur isib mod kif smigħ kriminali, partikolarment ta’ dawk li qegħdin jinżammu taħt arrest preventiv, isir b’mezz awdjoviżiv sabiex jitnaqqas il-periklu ta’ infezzjoni.

Fl-applikazzjoni mressqa mill-avukati ta’ Fenech, Dr Gianluca Caruana Curran u Dr Marion Camilleri, huma fakkru li l-aħħar seduta saret fl-20 ta’ Frar u ta’ wara kellha ssir fis-27 ta’ Marzu, iżda din tħassret minħabba l-miżuri tas-saħħa mħabbrin fil-ġimgħat li għaddew. Huma sostnew fuq id-dritt tal-libertà ta’ kull individwu.

Semmew ukoll li faċilitajiet ta’ detenzjoni bħal Kordin huma aktar vulnerabbli għall-epidemiji minħabba kundizzjonijiet ta’ iġjene u l-għadd ta’ nies li joqogħdu hemmhekk. Skonthom, dan hu ta’ theddida għas-saħħa tal-klijent tagħhom.

Il-Qorti rrifjutat it-talba tal-akkużat.