Il-Qorti tgħid li lockdown parzjali f’Madrid imur kontra drittijiet u libertajiet fundamentali

Madrid Coronavirus
By Thomas Holbach - Own work, CC BY-SA 4.0

Il-qorti f’Madrid nhar il-Ħamis irrifjutat miżuri li ġew imposti fuq ir-reġjun mill-gvern ċentrali li kienu jinkludu lockdown parzjali tal-kapitali Spanjola flimkien ma’ disa’ muniċipalitajiet qrib il-kapitali.

Il-qorti “irrifjutat ir-ratifikazzjoni (tal-miżuri), għaliex dawn imorru kontra d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali” ta’ l-4.8 miljun abitant affettwat b’dan il-lockdown parzjali li daħal fis-seħħ nhar il-Ġimgħa filgħaxija, qalet il-qorti fi stqarrija.

B’riżultat ta’ din id-deċiżjoni, ma jistgħux jingħataw multi lil dawk iċ-ċittadini li jiksru r-regolamenti.

Il-gvern ċentrali – koalizzjoni bejn il-Partiti Soċjalist (PSOE) u Unidas Podemos – kellhom tiżgwid mal-gvern reġjonali konservattiv f’Madrid dwar dawn il-miżuri.

Il-lockdown parzjali tal-belt u s-subborgi tagħha, kien maħsub sabiex jikkontrolla l-imxija tal-coronavirus f’Madrid, li hija l-epiċentru tat-tieni mewġa tal-pandemija fl-Ewropa.

Il-premier reġjonali ta’ Madrid Isabel Díaz Ayuso ma kienitx lesta timplimenta miżuri iżjed iebsin kontra l-COVID-19 fejn argumentat li dawn se jkomplu jagħmlu iżjed ħsara lill-ekonomija, iżda l-Ħamis, talbet lin-nies biex ma joħorġux mill-belt.

“Għal darb’oħra qed nitolbu lir-residenti biex ma jitilqux minn Madrid u jsegwu r-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-saħħa li qed jinħarġu, speċjalment fil-jiem li ġejjin u t-tmiem il-ġimgħa estiż,” qalet, b’referenza għall-btala nazzjonali ta’ nhar it-Tnejn.