Il-Qorti tgħid li Delia jista’ jara lit-tfal

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-Ħamis li għadda, l-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Jacquiline Padovani Grima tat il-permess lil Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia biex ikun jista’ jara t-tfal tiegħu tliet darbiet fil-ġimgħa.

Il-Qorti fid-digriet tagħha ssemmi l-ħinijiet li fihom il-Kap tal-Oppożizzjoni jista’ jara lit-tfal tiegħu sakemm iż-żewġ naħat ma jaqblux fuq ħinijiet inqas ristretti fl-aħjar interess għat-tfal. Newsbook.com.mt huwa infurmat li kien hemm qbil bejn Dr Delia u Dr Vella de Fremaux fuq ħinijiet inqas ristretti tant li l-Ġimgħa Adrain delia deher f’ċinema lokali ma’ uħud mit-tfal.

Skont dokumenti mgħoddija lill-midja u ppubblikati s-Sibt, mart Dr Delia, Dr Nickie Vella De Fremaux, għamlet serje ta’ allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika biex iżżommu milli jara lit-tfal, fosthom li ġiegħel lil ibnu jiekol ikel tal-klieb. Dawn l-allegazzjonijiet dehru f’dokumenti legali ffirmati mill-avukat ta’ Vella De Fremaux.

Newsbook.com.mt huwa infurmat ukoll li ż-żewġ psikologi li tkellmu mal-ulied tal-koppja qalu li xtaqu jiltaqgħu mal-missier u rrakkomandaw li dan ikun ta’ benefiċċju għalihom.

OJ jgħidu lil Delia jirriżenja

Il-grupp #OccupyJustice fi stqarrija qalu li fid-dawl tar-rapporti li ħarġu fil-midja talbu r-riżenja immedjata ta’ Dr Delia. Żiedu jgħidu li minħabba l-allegazzjonijiet ta’ vjolenza domestika, Delia ma għandux jibqa’ jżomm kariga kostituzzjonali bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni u għalhekk kellu jirriżenja jew jitneħħa.

L-istqarrija ta’ #OccupyJustice ma tagħmilx riferenza għad-deċiżjoni tal-Qorti.

Stqarrija ta’ Dr Delia

Wara l-appelli għar-riżenja tiegħu, Dr Delia fi stqarrija qal li mhux se jċedi għall-“attentati malinni li jdawru din il-kwistjoni minn waħda personali għal waħda politika”.

Filwaqt li nnota b’dispjaċir l-allegazzjonijiet , li qal li huma malizjużi, li qed jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali, qal li se jżomm mal-ftehim milħuq fil-Qorti li ma jsirux kummenti pubbliċi dwar is-separazzjoni biex jipproteġi lill-uliedu.

Il-pożizzjoni ta’ Newsbook.com.mt: 

Fil-31 ta’ Ottubru li għadda, Newsbook.com.mt ippubblika l-istqarrija ta’ Dr Delia jinnota li hu u martu għaddejjin min perjodu diffiċli u talab li l-privatezza tiegħu tiġi rispettata.

Newsbook.com.mt innota:

“Huwa veru li d-dritt tal-privatezza ta’ persuni fil-ħajja pubblika huwa wieħed limitat ħafna. Iżda għalkemm limitat, dan id-dritt jibqa’ jeżisti sakemm dak li jiġri fil-ħajja privata ma jkunx qiegħed jolqot ħażin l-eżerċizzju tal-uffiċċju pubbliku. Hekk imxejna f’każi oħra u hekk se nimxu f’dan il-każ.”

Il-qarrejja jistgħu għalhekk jistaqsu għalfejn qed nippubblikaw din l-istorja.

Mill-Milied innutajna dik li kienet qed tidher bħala kampanja organizzata biex tmexxi b’mezzi varji l-kontenut ta’ ittra iffirmata mill-avukat ta’ Dr Nickie Vella De Fremaux li fiha ġew imniżżla għadd ta’ akkużi dwar Dr Adrian Delia. Dawn l-allegazzjonijiet dehru wkoll f’xi midja lokali is-Sibt u abbażi ta’ dawn ir-rapporti ntalbet ir-riżenja ta’ Dr Delia.

Mingħajr ma nidħlu fil-mertu tal-każ għaliex il-Qrati huma aktar attrezzati biex jagħmlu dan, nemmnu li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ħamis li għadda hija fl-interess pubbliku.