Il-qorti t’Għawdex iffullata; “sitwazzjoni intollerabbli”

L-avukati f’Għawdex dalgħodu lmentaw fuq is-sitwazzjoni “intollerabbli” fil-qorti fejn ikun hemm awli ffullati u qajla jitħarsu l-miżuri kontra l-coronavirus.

Sorsi spjegaw lil Newsbook.com.mt li dalgħodu nqala’ kjass fil-qorti, peress li maġistrat minnhom keċċiet lill-avukati u lin-nies li kienu fl-awla, peress li din kienet waħda żgħira u fiha kien hemm madwar 20 ruħ.

L-avukati, min-naħa tagħhom, għamlu dikjarazzjoni li fiha taw raġun lill-Qorti, iżda qalu li fil-post ta’ stennija kien hemm għadd kbir ta’ nies ukoll. Persuna li kienet hemmhekk qalet li n-nies kienu jibdew mit-taraġ saż-żona ta’ barra l-awli. Jidher illi ħin minnhom, kuntistabbli stazzjonat il-qorti talab lin-nies jinfirxu, iżda avukat qallu li dan ma kienx possibbli peress li ma kienx hemm spazju.

Newsbook.com.mt hu infurmat li din is-sitwazzjoni hija waħda komuni fil-qorti t’Għawdex, peress li ta’ sikwit jinġabru ħafna nies ġol-binja, li hija żgħira.

L-Avukat Chris Said, li kien wieħed mill-avukati preżenti, qal lil Newsbook.com.mt li s-sitwazzjoni kienet intollerabbli. Spjega li, “Peress li ma ttieħdet l-ebda azzjoni, jien u diversi kollegi avukati għamilna dikjarazzjoni quddiem il-Maġistrat Simone Grech dwar dan.” Huwa sostna li mhux aċċettabbli li fiċ-ċirkustanzi preżenti, il-qorti f’Għawdex tkompli topera mingħajr ħarsien għas-saħħa tal-avukati u tal-persuni li jkollhom il-kawżi.

Jidher li l-Qorti ħarġet komunikat lil Frankie Mercieca, li hu d-Direttur tal-Aġenzija tal-Qrati, lill-Ministeru tas-Saħħa u lill-Ministeru tal-Ġustizzja. Newsbook.com.mt għamel kuntatt mas-servizzi tal-Qorti, iżda ntalab jibgħat il-mistoqsijiet. S’issa dawn għadhom ma ġewx imwieġba.