Il-Qorti teħlishom wara 166 jum f’detenzjoni “abbużiva”

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti ordnat il-ħelsien ta’ erba’ rġiel li waslu Malta biex ifittxu ażil fis-7 ta’ Ġunju tal-2020 u nżammu f’detenzjoni għal 166 jum f’Ħal Safi u Ħal Far. Fid-digriet tiegħu, il-Maġistrat Viktor Axiak ikkundanna d-detenzjoni arbitrarja ta’ dawn l-irġiel u ordna l-ħelsien immedjat tagħhom.

Id-Direttur tal-Fondazzjoni Aditus, l-avukat Neil Falzon, fetaħ kawża habeas corpus f’isem l-erba’ immigranti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn insista li ż-żamma ta’ dawn il-persuni kienet illegali. Falzon talab għall-ħelsien immedjat.

Fl-applikazzjoni, l-immigranti qalu li ma ngħatawx raġuni għaliex kienu qed jinżammu f’detenzjoni, azzjoni li tmur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem. Kien spjegat ukoll kif huma kienu applikaw għall-ażil u l-preżenza tagħhom f’Malta hija rregolata minn din l-applikazzjoni.

Fil-Qorti ħareġ li ż-żamma tagħhom kienet riżultat ta’ policy adottata mill-amministrazzjoni. Din qed twassal biex meta ma jkunx hemm post fiċ-Ċentri l-Miftuħa, l-immigranti li għadhom qed jistennew l-ażil, qed jittieħdu f’ċentri ta’ detenzjoni kontra l-volontà tagħhom. Dan joħroġ minħabba l-fatt li m’hemm l-ebda akkomodazzjoni ulterjuri disponibbli.

Il-Qorti ordnat il-ħelsien tal-erba rġiel u kkundannat l-abbuż u l-awtoritajiet tal-aġir li laqqmet bħala “farsa” u li bih ċaħdu l-libertà b’mod arbitrarju, mingħajr ġustifikazzjoni legali.

B’hekk, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien immedjat ta’ dawn il-persuni ġaladarba d-detenzjoni tagħhom mhi bbażata fuq l-ebda liġi.

Ladarba l-gvern ma pprovda l-ebda akkomodazzjoni, il-Qorti ħadet nota li l-irġiel se jkunu qed jinżammu fi propjetà tal-Fondazzjoni Aditus sakemm tinstab akkomodazzjoni adegwata.

Il-Fondazzjoni Aditus tilqa’ d-deċiżjoni tal-Qorti

Il-Fondazzjoni Aditus laqgħet il-kundanna tal-aġir tal-Gvern mill-qorti u żieded tgħid li l-kliem “abbużiva u farsa” jiddeskrivu l-istraġi kkreata mill-gvern fejn jidħlu d-drittijiet umani.

“Malta qed tirrifjuta s-sapport mill-Unjoni Ewropea biex tikkrea aktar spazju għar-refuġjati, imbagħad qed taqfel lill-bnedmin propju għax m’hawnx biżżejjed spazju. Verament abbużiva u farsa,” qal Falzon wara d-digriet tal-Qorti.

“Huwa ta’ serħan għalina u għall-klijenti tagħna li nikkonfermaw li l-ġustizzja hija possibbli li ssir permezz tal-Qrati tagħna. Se nkunu qed inressqu każ wara każ sakemm il-Gvern jiddeċiedi li jingaġġa fi djalogu magħna biex infittxu soluzzjoni umana għall-kriżi kurrenti.”