Il-Qorti taqbel ma’ Azzopardi li ma żbaljax meta sejjaħ lil Fenech ħati

Jason Azzopardi Yorgen Fenech

Read in English.

Il-Qorti sabet li l-Avukat Jason Azzopardi ma żbaljax meta qal li jemmen li Yorgen Fenech huwa ħati ta’ kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

F’digriet imwassal illum, il-Maġistrat Rachel Montebello rrikonoxxiet li l-parte civile, jiġifieri l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia li qed jirrappreżentaw lill-familja Caruana Galizia fil-qorti, m’għandhomx irwol imparzjali fil-każ.

Dan id-digriet twassal b’rabta mar-rikors li ressaq Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black li issa ilu sena taħt arrest preventiv, bl-argument li meta Dr Azzopardi qal fuq ir-radju li jemmen li Fenech huwa ħati, huwa kien qed imur kontra l-preżunzjoni tal-innoċenza. Minħabba li Azzopardi huwa wkoll membru parlamentari, argumentaw l-avukati ta’ Fenech, dak li jgħid jinfluwenza lill-kostitwenti tiegħu, li ‘l quddiem uħud minnhom jaf ikollhom jiġġudikaw lil Fenech meta dan jgħaddi ġuri.

L-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech kienet imżewqa b’argumenti legali mid-Difiża u mill-parte civile rigward din il-kwistjoni. L-Avukat Difensur Charles Mercieca talab lill-Avukat Jason Azzopardi jitla’ jixhed, u ddikjara li Azzopardi għandu responsabbiltà akbar minn ħaddieħor, għax jilbes kemm kappell ta’ avukat kif ukoll appell ta’ deputat parlamentari.

Madankollu, fid-deċiżjoni tagħha llum, il-Maġistrat osservat li fl-intervista li saret lil Dr Azzopardi minn Prof. Andrew Azzopardi fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart, u li mbagħad ixxandret fuq il-paġna ta’ Facebook Newsbook.com.mt, Dr Azzopardi ġie introdott bħala “Jason Azzopardi l-avukat tal-familja Caruana Galizia,” u sussegwentement, bħala “Onorevoli Dr Jason Azzopardi, avukat,” kif ukoll bħala “Membru Parlamentari mill-1998.” Il-Maġistrat għarfet li fl-ewwel parti tat-trażmissjoni, id-diskussjoni ffukat fuq il-Partit Nazzjonalista fejn Azzopardi tkellem fuq l-irwol tiegħu bħala membru tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, iżda l-Maġistrat qalet li kien ċar li meta d-diskussjoni qalbet fuq il-qtil tal-ġurnalista, Dr Azzopardi beda jitkellem “bħala l-avukat tal-familja Caruana Galizia u bħala persuna viċin tal-familja u familjari mal-proċeduri quddiem l-Inkjesta Pubblika dwar dan il-qtil.”

Il-Maġistrat osservat ukoll li Azzopardi wieġeb “iva” meta mistoqsi jaħsibx li Fenech huwa ħati. Imbagħad ikkwalifika d-dikjarazzjoni tiegħu billi spjega li “Yorgen Fenech huwa akkużat li huwa mandant” ta’ dan id-delitt.  Qal ukoll li l-probabbiltà hi li l-mottiv għall-qtil kien xi ħaġa li l-ġurnalista kienet se tikteb b’rabta mal-kuntratt tal-Electrogas u li Yorgen Fenech kellu interess kbir ħafna, filwaqt li Keith Schembri għamel minn kollox biex jgħatti t-traċċi “ta’ dak illi għamel Yorgen Fenech ħalli ma jinqabadx.”

Dawn l-istqarrijiet ġew ikkwotati fid-digriet tal-Maġistrat biex turi li “ftit kien hemm dubju li l-intimat kien qed jirreferi pubblikament għar-rikorrent bħala ħati tad-delitt tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.” Il-Qorti tqis dawn id-dikjarazzjonijiet konformi mal-irwol ta’ Azzopardi bħala l-avukat tal-parte civile, li għandha interess komuni mal-Prosekuzzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti qalet li l-avukati tal-parte civile “ma jistgħux ma jkollhomx il-fehma u ma jesprimux il-konvinċiment tagħhom li l-imputat huwa ħati.” 

Skont il-Maġistrat, dikjarazzjonijiet pubbliċi fuq il-ħtija tal-imputat min-naħa tal-avukati tal-parte civile ma jistgħux jitqiesu kundannabbli jew ċensurabbli, lanqas jekk isiru barra mill-proċeduri kriminali.

Fid-digriet tagħha, il-Maġistrat tat ukoll id-definizzjoni ta’ “uffiċjal pubbliku,” kwistjoni li ġiet diskussa fit-tul fl-aħħar seduta peress li d-Difiża argumentat li bħala uffiċjal pubbliku minħabba l-irwol tiegħu fil-politika, Azzopardi naqas meta qal li jemmen li Fenech hu ħati.

Il-Qorti spjegat li skont il-Kostituzzjoni, uffiċjal pubbliku huwa min jokkupa xi kariga pubblika jew persuna maħtura biex taġixxi f’xi kariga bħal dik. Qalet li l-kariga ta’ Prim Ministru, Ministru, Segretarju Parlamentari, Speaker, Deputat Speaker, membru tal-Kamra tad-Deputati, mhijiex meqjusa bħala kariga fis-servizz pubbliku, iżda dan ma jfissirx li mhumiex karigi pubbliċi.  

Minħabba f’hekk, il-Qorti saħqet li ma taqbilx li membru parlamentari li mhux ukoll ministru jew segretarju parlamentari jista’ jitqies awtorità pubblika, ġaladarba mhux maħtur skont il-liġi biex iwettaq kariga fl-amministrazzjoni pubblika. Il-Qorti tqis awtorità pubblika bħala waħda b’awtorità konsistenti f’setgħet uffiċjali ġejjin mill-poter eżekuttiv tal-Istat. Għalhekk, Jason Azzopardi ma jitqiesx awtorità pubblika.

Għalhekk, il-Qorti ċaħdet it-talbiet li għamel Yorgen Fenech fir-rikors tiegħu.