Il-BOV jappella sekwestru ta’ €363 miljun; “Ix-shareholders ma jintlaqtux”

Il-Bank of Valletta se jkun qed jappella mid-deċiżjoni tal-Qorti ta’ Torre Annunziata fl-Italja, li ordnat biex jiġu ssekwestrati €363 miljun mill-BOV.
F’laqgħa li ssejħet b’urġenza għall-midja, iċ-Ċermen tal-BOV Deo Scerri saħaq li l-ħidma tal-Bank u l-interessi tax-shareholders mhux se jkunu affettwati. Qal li l-appell se jsir kmieni l-ġimgħa d-dieħla, possibilment nhar it-Tlieta li ġej.
Il-każ kontra l-BOV kien infetaħ mil-likwidaturi tal-kumpanija marittima Deiulemar li falliet fl-2012, u mir-rappreżentanti ta’ 13,000 Taljan li tilfu l-flus kollha li faddlu f’ħajjithom, fi skema ta’ frodi fl-2009.  Jidher li din l-iskema falliet b’telf ta’ aktar minn €800 miljun, b’konsegwenza li spiċċaw il-ħabs seba’ persuni.
X’inhuma r-rabtiet tal-BOV ma’ Deiulemar? 
2005 Il-Bank beda bin-negozju ta’ trusts
2009 Il-BOV ħa tliet trusts tal-kumpanija, fi żmien meta l-vapuri tagħha kienu jivvalutaw it-€363 miljun.
2012 Deiulemar falliet u f’Novembru l-BOV irriżenja minn trustee tal-kumpanija.
2014 Kuratur Taljan fetaħ kawża kontra l-Bank u oħrajn għal €363 miljun.
2015 Il-Bank ħa d-deċiżjoni li jieqaf mit-trust business
“Inkredibbli li jitqajmu suspetti dwar Bank regolat mill-ECB”
Iċ-Ċermen Deo Scerri insista li l-BOV għandu każ f’saħħtu u li m’għandu bżonn jagħmel l-ebda proviżjonijiet.
Filwaqt li saħaq li d-deċiżjoni tal-Qorti Taljana mhux se taffettwa lix-shareholders, spjega li l-Bank għandu €11.8 biljun f’assi u €2.9 biljun fi flus kontanti mal-Bank Ċentrali Ewropew. Għaldaqsant, il-Bank m'għandux problema ta' flus u jista' jittrasferixxi l-ammont mitlub f'bank fl-Italja. Madanakollu insista li dwar dan il-Bank se jieħu l-pariri tal-avukati.
Il-likwidaturi ta’ Deiulemar jemmnu li l-BOV ippermettiet lis-sidien iwaqqfu tliet trusts biex b’mod illegali jitfgħu fihom miljuni ta’ ewro.
Scerri stqarr li huwa inkredibbli kif qed jitqanqlu suspetti dwar il-Bank li hu regolat mill-Bank Ċentrali Ewropew.
Irrimarka li l-credit rating tal-BOV huwa ogħla minn tal-aqwa ħames banek Taljani u saħansitra minn dak tal-istat Taljan.
Min-naħa tiegħu, l-Assistent Legali tal-Bank Louis de Gabriele qal li f’każ li l-BOV jitlef il-każ fil-Qorti ta’ Torre Annunziata, il-Bank se jfittex possibilitajiet oħra biex iħares l-interessi tax-shareholders.
Żied jgħid li dan huwa l-ewwel każ tat-tip tiegħu mhux biss għall-Bank of Valletta, imma anke għall-banek fil-Punent tal-Ewropa. 
Waqt il-laqgħa ġie spjegat ukoll li l-każ għadu fi stadju preliminari, hekk kif għadu jrid jinstema’ l-każ kollu.  Barra minn hekk, ir-regolaturi se jkunu mgħarrfa kontinwament mill-Bank bl-iżviluppi dwar il-każ.
Iċ-Ċermen għamel referenza għal-Laqgħa Ġenerali Straordinarja f’Lulju li għadda, fejn tqanqlu mistoqsijiet dwar x'jiġri jekk isir sekwestru. Dak  Iċ-Ċermen tal-BOV dakinhar kien qal li għadu 'l bogħod ħafna biex jaslu f'din is-sitwazzjoni u la tasal tittieħed deċiżjoni.