Il-Papa Franġisku enfasiżża l-importanza tal-kuxjenz u tenna s-sejħa tiegħu li jkun hemm “katekumenat taż-żwieġ”, meta kien qed jindirizza lill-membri tas-Sacra Rota Rumana, il-Qorti tal-Vatikan li tisma’ appelli f’każi ta’ annullamenti ta’ żwiġijiet.
“Il-kuxjenza għandha rwol deċisiv fl-għażliet iebsa li l-koppji jridu jiffaċċjaw biex jibnu l-għaqda konjugali – il-familja – skont il-pjan t’Alla”, qal il-Papa.
“Dan hu impenn fit-tul u mhux faċli, li jitlob mill-Isqfijiet u l-Presbiteri li jaħdmu bla waqfien biex ifehmu, jiddefendu u jappoġġjaw il-kuxjenza kristjan tal-popli tagħna”, insista l-Papa.
Hu qal li l-Knisja trid taħdem biex tgħin lill-għarajjes “jibnu u jippreservaw is-santwarju intimu tal-kuxjenza kristjana tagħhom” u qal li l-Amoris Laetitia indikat toroq pastorali li jgħinu lill-koppji għarajjes biex jiddixxernu bla biża’ l-għażla tagħhom li jidħlu għaż-żwieġ.
“Esperjenza kontinwa ta’ fidi, tama u mħabba hi mportanti biex iż-żgħażagħ jistgħu jiddeċiedu b’kuxjenza serena, li l-għaqda konjugali miftuħa għar-rigal tal-ulied tferraħ ħafna lil Alla, lill-Knisja u lill-umanità”, żied jgħid il-Papa Franġisku.
Hu qal li r-riformi riċenti li għamel għall-proċess tal-annullament taż-żwieġ saru “mhux biss biex iħaffu l-proċess imma aktar u aktar għax jaf bil-kawżi u r-raġunijiet li jwasslu għall-falliment taż-żwieġ”. Dawn ir-riformi jneħħu xi passi ġudizzjarji fil-kawżi ta’ annullament u jagħtu lill-Isqof lokali d-dritt li jiddeċiedi l-kawżi hu stess,
“Irridu nassiguraw li l-kuxjenza tal-fidili f’diffikulta dwar iż-żwieġ tagħhom, ma tagħlaqx it-triq tal-grazzja. Dan jintlaħaq b’akkumpanjament pastorali, dixxerniment tal-kuxjenza u x-xogħol tat-tribunal. Dan ix-xogħol irid isir bil-għaqal u fi tfittxija għall-verità: hekk biss id-dikjarazzjoni ta’ annullament tista’ ġġib libertà tal-kuxjenzi.”
Il-Papa qal li l-Knisja trid tagħraf “ir-relazzjoni neċessarja bejn il-fedeltà tal-Knisja għat-tagħlim tal-Maġisteru dwar iż-Żwieġ u l-Ewkaristija – li ħadd ma jista’ jmissu – u l-attenzjoni urġenti li l-Knisja nnifisha trid tagħti għall-proċessi psikoloġiċi u reliġjużi tal-persuni kollha li jagħmlu l-għażla taż-żwieġ u l-familja.”
Il-Papa hawn ġedded is-sejħa tiegħu biex ikun hemm ‘katekumenat taż-żwieġ’, talba li għamel is-sena li għaddiet meta qal li l-Knisja għandha bżonn “mod approprjat ta’ preparazzjoni li jerġa’ jiskopri ż-żwieġ u l-familja kif fassalhom Alla. Katekumentat ifisser il-proċess ta’ preparazzjoni għall-adulti li jkunu se jitgħammdu u jinvolvi katakeżi u riti liturġiċi partikolari.
“Il-fidi hi d-dawl li jdawwal mhux biss il-preżent imma anke l-futur: iż-żwieġ u l-familja huma l-futur tal-Knisja u tas-soċjetà,” qal il-Papa. Għalhekk hemm bżonn li nippromwovu stat ta’ katekumenat permanenti biex il-kuxjenza tal-imgħammda tkun miftuħa għad-dawl tal-Ispirtu.”