Il-Qorti tal-Appell tnaqqas multa minn €1,300 għal €23

Multa ta’ €1,300 li kienet ingħatat lil raġel ta’ 56 sena tnaqset għal €23 wara li l-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li ma kienux tressqu biżżejjed provi mill-prosekuzzjoni.
Fl-2001, ir-raġel kien tressaq il-Qorti akkużat li kien saq taħt l-effett tal-alkoħol, naqas li jagħmel it-test tal-breathalyser u li kien qed isuq mingħajr id-dawl ta’ quddiem tal-karozza.
Huwa kien ġie mmultat u l-liċenzja tiegħu kienet ġiet sospiża għal sitt xhur.
Il-Qorti nnutat li r-raġel naqas milli jagħmel it-test tal-breathalyser għaliex kien indarab fl-inċident u fl-isptar kien ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi u weġġa’ sidru.
Ikkonkludiet ukoll li peress li r-raġel indarab setgħet ingħatat l-impressjoni li kien f’kundizzjoni instabbli jew taħt l-effett tal-alkoħol.
Il-multa tnaqqset għal €23 wara li l-Qorti sabet lir-raġel ħati li kien saq mingħajr id-dawl ta’ quddiem tal-karozza.