Il-Qorti tal-Appell tibdel sentenza għal xahar ħabs

Raġel ta’ 59 sena se jintbagħat xahar ħabs minflok sitt xhur u se jingħata multa ta’ €1,500 flok €2,000 wara li l-Qorti tal-Appell sabitu ħati li naqas mill jobdi l-ordnijiet li ngħata mill-uffiċjal tal-pulizija fis-seduta tat-tribunal u li inġurja u hedded lill-Kummissarju tal-Ġustizzja.
F’Diċembru li għadda huwa kien instab ħati li ħoloq kjass waqt seduta tat-tribunal tar-reġjun f’Għawdex.
Il-każ seħħ f’Lulju 2016 meta r-raġel mar quddiem it-tribunal sabiex jikkonteta ħames ċitazzjonijiet. Ħin minnhom beda jargumenta u jhedded il-Kummissarju tal-Ġustizzja li kien qed imexxi s-seduta.
Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri innotat li ċerti interventi mill-Maġistrat urew nuqqas ta’ temperenza u wrew bias kontra l-imputat.
Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell lliberatu mill-akkużi li b’imġiebtu beżża’ lill-Kummissarju li se tintuża l-vjolenza kontrih u għalhekk naqsietlu l-piena.