Il-Qorti taħtar amministratur għall-kumpaniji ta’ Keith Schembri

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti ordnat li tinħatar persuna taħt is-sorveljanza tal-Avukat Ġenerali biex tamministra l-operat tal-kumpaniji ta’ Keith Schembri biex dawn ma jkunux preġudikati u sabiex ma jfallux.

F’digriet maħruġ mill-Imħallef Lawrence Mintoff għar-rikors kostituzzjonali ppreżentat minn 23 individwu u kumpanija, inkluż Schembri u familtu, dan ta jumejn ċans mil-lum biex jiġu indikati persuna jew persuni biex jamministraw l-operat tal-kumpaniji.

Ir-rikors b’urġenza tressaq fit-2 t’Ottubru għall-ħruġ ta’ miżura proviżorja għall-kumpaniji Navis Logistics Limited, Kasco Limited, Kasco Recycling Limited, Its Good Limited, FSV Limited, Kasco Engineering Company Limited, Berner Malta Limited, 3City Designs
Limited, u Kasco Holdings Limited.

Ir-raġuni għal dan ir-rikors kienet li permezz tas-sekwestru fuq l-assi ta’ Schembri u oħrajn qribu maħruġ fil-21 ta’ Settembru, ġie “ipparalizzat kompletament l-operat kollu” ta’ dawn il-kumpaniji li bejniethom iħaddmu ’l fuq minn 80 persuna fuq bażi full time.

Skont ir-rikors imressaq, dan is-sekwestru ġab lill-kumpaniji “għarkupptejhom peress li
għandhom il-kontijiet bankarji tagħhom issekwestrati; debituri tar-rikorrenti li qegħdin jippruvaw jagħmlu pagamenti fil-kontijiet tar-rikorrenti mhumiex jitħallew jagħmlu dan; kredituri tar-rikorrenti mhumiex qegħdin jitħallsu; il-pagi tax-xahar ta’ Settembru ta’ 78 ħaddiem ma tħallsux fil-ħin; is-soċjetajiet rikorrenti b’mod ġenerali mhumiex jitħallew joperaw.”

L-Imħallef qabel li dan is-sekwestru kien ta’ detriment kbir għall-kumpaniji. Sejjaħ din l-ordni “id-daqqa tal-mewt” tal-kumpaniji ta’ Keith Schembri, u kkonkluda li dan “ifisser li f’temp ta’ ftit ġimgħat jekk mhux ġranet, is-soċjetajiet rikorrenti se jkunu kostretti li jagħlqu l-bibien tagħhom u jiddikjaraw falliment jekk l-affarijiet jibqgħu kif inhuma.”

L-Avukat Ġenerali kienet oġġezzjonat għat-talba li jinħatar amministratur għal dawn il-kumpaniji. L-argument tal-Avukat Ġenerali kien li l-investigazzjoni ilha għaddejja biss ftit ġimgħat, u għalhekk għadu kmieni biex jitqabbdu amministraturi. Għalhekk, l-AĠ kienet tal-fehma li l-kumpaniji ma jistgħux jitħallew joperaw bħallikieku m’hemm l-ebda investigazzjoni għaddejja. Il-Qorti ma qablitx ma’ dan għaliex qalet li l-iskop ta’ sekwestru mhux li jwaqqaf lill-kumpaniji milli joperaw imma li l-assi tagħhom jiġu ppreżervati sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet.

Skont l-AĠ, iżda, “l-ordni ta’ sekwestru hija miżura raġonevoli li tittieħed meta hemm suspett raġonevoli.”

Minkejja dan, l-Imħallef Mintoff ordna li jinħatar amministratur sabiex il-kumpaniji jitħallew joperaw sakemm ikomplu għaddejjin l-investigazzjonijiet.

L-assi ta’ Keith Schembri u oħrajn, inkluż Brian Tonna u Karl Cini minn Nexia BT, ġew iffriżati fil-21 ta’ Settembru b’ordni tal-AĠ, għaliex instab mill-inkjesta li saret, kien hemm suspett ta’ ħasil tal-flus f’bejgħ tal-passaporti Maltin bl-involviment ta’ Schembri u Tonna. L-għada, dawn, flimkien ma’ Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT, qattgħu jum id-Depot tal-Pulizija jiġu interrogati, iżda nħelsu bil-police bail.