Il-Qorti taħfirlu talli għamel graffiti bħala ġest romantiku f’Tigné

Raġel ammetta fil-qorti li ħażżeż graffiti f’Tigné Point b’sorpriża għal martu.

It-Tork ta’ 47 sena li joqgħod Tas-Sliema u jaħdem bħala technician, ammetta għall-akkuża li għamel il-ħsara fi propjetà pubblika, peress li għamel graffiti fuq ħajt f’Tas-Sliema s-Sibt li għadda.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-qorti li l-akkużat kellu xi jgħid ma’ martu, u ried jirranġa magħha billi jagħtiha sorpriża u jiktbilha xi ħaġa fuq ħajt fil-pubbliku.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello semgħet lir-rappreżentant tal-kumpanija li jaħdem magħha l-akkużat, jiddikjara li l-kumpanija se twettaq ix-xogħol meħtieġ biex tirranġa l-ħsara fi żmien ġimgħa. Il-Prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għal dan l-arranġament u lanqas il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.

Il-Qorti għalhekk illiberat lill-akkużat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien tliet snin.