Il-Qorti tagħtih ċans wara li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien

Raġel li nqabad jikser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest ingħata ċans ieħor mill-Maġistrat wara li nnutat li kien qed jaħdem biex joħroġ mil-vizzju tad-droga.
Matul il-lejl li għadda r-raġel inqabad barra minkejja li suppost jibqa’ d-dar bejn il-11pm u 6.30am.
Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras instema’ li r-raġel mar ifittex il-mobajl tat-tfajla l-Marsa, fejn kienet tilfitu.
L-avukat difensur ippreżenta ċertifikat mediku bħala prova minħabba li fil-jumejn li għaddew naqas milli jmur jiffirma l-għassa.
Min-naħa tagħha l-Maġistrat innotat li l-akkużat kemm-il darba tatu ċans iżda qalet li ma xtaqitx twaqqaflu l-progress li għamel biex jirriforma ruħu. Hu ngħata l-ħelsien b’garanzija personalit a’ €5,000 u b’ordni stretta li jiffirma kuljum l-Għassa. Ġie ordnat ukoll biex ma joħroġx minn daru bejn id-9pm u s-6am.
Huwa ġie mwissi biex ma jkomplix ixellef difru mal-ġustizzja u jekk jerġa’ jikser il-kundizzjonijiet jista’ jeħel sentenza ta’ ħabs.