Il-Qorti tagħti raġun lill-kontrolluri tal-ajru

L-Assoċjazzjoni tal-Kontrolluri tal-Ajru f’Malta rebħet id-dritt li tordna lill-membri tagħha biex jobdu direttivi f’tilwima industrijali li diġà ġiet irreġistrata.

L-Assoċjazzjoni qalet li l-Prim Awla tal-Qorti Ċivili ppreseduta mill-Prim Imħallef stqarret li f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil ma tiġix solvuta b’mandat ta’ inibizzjoni iżda bil-proċeduri ta’ natura industrijali li huma aċċessibbli għall-partijiet”.

Il-Qorti kkonfermat ukoll li kwalunkwe ftehim li ntlaħaq bejn l-unjin u min iħaddem matul il-pandemija kien ta’ natura temporanja u għaldaqstant m’għandux jittawwal għall-perjodu meta l-pandemija tkun għaddiet. Dan sakemm ma jkunx hemm qbil bejn il-partijiet kollha.

Il-Qorti, filwaqt li nnutat li s-servizz tal-kontrolluri tal-ajru huwa wieħed essenzjali u ma jistax jitnaqqas, daqstant ieħor hu prinċipju rilevanti li trade union għandha kull dritt li toħroġ direttivi. Dan speċjalment fejn l-avviż ta’ tilwima industrijali diġà nħareġ. Il-Qorti tesiġi li l-istess assoċjazzjoni għandha titħalla tħares il-jeddijiet tal-membri tagħha fl-interess tagħhom.

L-Assoċjazzjoni kienet assisstita mill-avukat Ian Spiteri Bailey.