Il-Qorti Suprema Kanadiża tagħti spinta l-Libertà Reliġjuża

Il-Qorti Suprema Kanadiża appoġġjata bil-qawwa l-libertà reliġjuża meta ddeċidiet li kongregazzjonijiet ta’ fidi għandhom dritt jistabilixxu ir-regoli tagħhom dwar sħubija u proċeduri li jiddeterminaw meta xi ħadd jista’ jkun imkeċċi.

Din id-deċiżjoni ntlaqgħet tajjeb minn gruppi reliġjużi li f’dan il-każ partikolari taw appoġġ lill-komunita tax-Xhieda ta’ Jehovah fil-provinċja ta’ Alberta. Il-komunità kellha kawża kontriha minn membru li keċċiet.

L-ogħla Qorti Kanadiża, b’mod unanimu ddeċidiet li l-Istat ma kellu ebda dritt jindaħal fl-affarfijiet interni ta’ organżazzjonijiet reliġjużi sakemm dawn ma jmorrux kontra d-drittijiet ċivili jew il-liġijiet tal-pajjiż.

Il-membru li tkeċċa mill-Jehovah sostna li d-deċiżjoni tat-tkeċċija kienet tmur kontra l-proċedura u għamlet ħsara lill-kumpannija tiegħu tar-‘real estate’ għax hu kellu numru ta’ membri tal-kongregazzjoni li kienu klijenti tiegħu u li issa setgħu ma jinqgħux ifittxu s-servizzi tiegħu.

Il-Qrati Inferjuri kienu  aċċettaw dan l-argument, iżda l-Qorti Superjuri ddeċidiet mod ieħor.

“Il-Qrati la għandhom leġittimità u anqas kapaċità istituzzjonali li jiddeċiedu fuq materja ta’ duttrina reliħjuża” qal l-Imħallef Malcolm Rowe fis-sentenza.  Is-sentenza tgħid ukoll li l-Qorti tista’ tiddeċiedi biss fuq affarijiet li jaqgħu taħt l-awtorità tal-Istat u ma tistax tintuża biex tiddeċiedi fuq tilwim intern tal-knisja.

L-Għaqda Kattolika tadl-Drittijiet Ċivili laqgħet din is-sentenza li tirrikoxxi li l-Qrati ċivili mhux kwalifikati biex jiddeċiedu fuq materji teoloġiċi jew ekklesjastiċi. Din id-deċiżjoni ssaħaħ il-libertà reliġjuża.

“Inħossuna nkoraġġiti mis-sentenza tal-Qorti Suprema li affermat b’saħħa l-awtonomija tal-komunitajiet reliġjużi” qal id-Direttur u Konsulent Legali tal-Għaqda tal-Avukati Nsara.