Aġġornata: Il-Parlament Brażiljan jibda jiddiskuti l-impeachment tal-President

Qed tisħon il-qiegħa fil-Brażil hekk kif il-President, Dilma Rousseff, qed toqrob dejjem iktar milli tkun imġiegħla tħalli l-kariga.
Il-Parlament beda jiddiskuti mozzjoni għal impeachment tal-President, bil-vot mistenni jittieħed il-Ħadd.
Iktar kmieni l-Qorti Suprema ma laqgħetx t-talba tal-Gvern li pprova jwaqqaf dan il-vot. 
Rousseff qed takkuża lir-rivali tagħha b’dak li sejħet “kolp” hekk kif qed tiffaċċja akkużi li mmanipolat il-kontijiet tal-Gvern biex ir-riżultati ekonomiċi jidhru aħjar milli kienu qabel l-elezzjoni.
Tliet partiti alleati tagħha ħallew il-koalizzjoni u mistennija jivvutaw kontriha.
Jekk żewġ terzi tal-Parlament jivvota favur l-impeachment, il-mozzjoni tgħaddi għand is-Senat, li wkoll jekk jivvota favur iwassal għas-sospensjoni ta’ Rousseff għal sitt xhur sakemm jinstema’ l-każ.