Il-Qorti Suprema Amerikana tiċħad talba oħra biex tinvalida riżultati elettorali

US supreme court
Paul Sableman, CC BY 2.0 , via Wikimedia Commons

Read in English.

Il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ċaħdet talba mingħajr preċedent biex jiġu nvalidati r-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali f’erba’ stati fejn rebaħ il-President-elett Joe Biden.

It-talba biex jiġu nvalidati r-riżultati fl-istati ta’ Georgia, Michigan, Pennsylvania u Wisconsin saret mill-istat ta’ Texas. Ġiet appoġġjata mill-President Donald Trump – li għadu qed jirrifjuta li jaċċetta telfa – minn 18-il avukat ġenerali statali Repubblikani u minn 106 membru Repubblikan tal-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana. Dawn l-erba’ stati kienu ntrebħu minn Trump fl-elezzjoni tal-2016, iżda ntrebħu minn Biden din is-sena.

Però l-Qorti Suprema ikkonkludiet li l-istat ta’ Texas m’għandu l-ebda kapaċità legali li jiftaħ każ ta’ din in-natura, b’7 minn 9 membri tal-Qorti – inklużi it-tlett membri maħtura minn Trump – jargumentaw hekk. U filwaqt li żewġ imħallfin ma qablux mal-maġġoranza, dawn xorta waħda kkonkludew li ma kinux lesti jilqgħu it-talba ta’ Texas.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Qorti ċaħdet talba oħra relatati dwar ir-rebħa ta’ Biden f’Pennsylvania.

Il-konferma aħħarija tar-riżultat tal-elezzjoni presidenzjali, li saret fil-bidu ta’ Novembru, mistennija tasal nhar it-Tnejn, meta se jiltaqa’ il-kulleġġ elettorali. L-elezzjoni presidenzjali hi waħda indiretta: teknikament, l-Amerikani jagħżlu liema partit ikollu d-dritt jinnomina membri ta’ dan il-kulleġġ f’isem kull stat.

Il-Partit Demokratiku ġie mogħti d-dritt li jinnomina 306 membru tal-kulleġġ elettorali – dak Repubblikan 232 – u b’hekk m’hemm l-ebda dubju raġjonevoli dwar ir-riżultat ta’ nhar it-Tnejn.