Il-Qorti sospiża mit-Tnejn u tiftaħ biss b’urġenza

Read in English.

Il-Qorti se tkun sospiża minn nhar it-Tnejn li ġej u se tiftaħ biss b’urġenza. Dan tħabbar mill-Gvern illejla fejn qal li saru taħditiet mill-Ministeru għall-Ġustizzja mal-Prim Imħallef Dr Joseph Azzopardi, mal-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Louis De Gabriele.

Aktar kmieni l-Kamra tal-Avukati kienet appellat lill-membri tagħha biex ma jmorrux għas-seduti fil-Qorti u t-Tribunali wara li l-awtoritajiet ma kienux laqgħu talbiet biex jillimitaw l-imxija tal-coronavirus fil-Qorti.

L-Avviżi Legali se jiġu ppubblikati u jidħlu fis-seħħ minn nhar it-Tnejn inkluż is-sospensjoni ta’ kwalunkwe termini legali jew ġudizzjarji skont l-istess Avviż Legali. Avviżi Legali bħal dawn jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu revokati mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li din il-miżura ġiet deċiża wara “konsiderazzjonijiet bir-reqqa” mal-partijiet interessati kollha sabiex tkun protetta kif jixraq il-ġudikatura, l-avukati, l-impjegati, u l-membri kollha tal-pubbliku kontra t-tixrid tal-COVID-19.

Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Ministeru

Qorti ppreseduta mis-Sur Imħallef Anthony Vella laqgħet talba mill-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali biex tissospendi l-aċċess sorveljat għal tfal li jinsabu taħt ordni ta’ kura kif ukoll għal dawk li mhumiex. Dan qed issir b’effett immedjat.

It-talba saret bħala miżura ta’ prekawzjoni biex jitnaqqas it-tixrid tal-koronavirus.

Fi stqarrija l-Ministeru tal-Familja qal li l-għan aħħari tiegħu kien li jissalvagwardja l-aħjar interessi tal-minorenni, il-qraba u l-impjegati.

Il-Kamra tal-Avukati bi struzzjonijiet

Il-Kamra tal-Avukati tat struzzjonijiet lill-membri tagħha biex ma jersqux għal seduti tal-qorti u tat-tribuna. Aktar kmieni, il-Kamra fi stqarrija qalet li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-awtoritajiet li ma jagħlqux il-Qorti. Dan minħabba li skont il-Kamra, il-Qorti hija spazju pubbliku li jiġbed numru kbir ta’ nies kuljum.

It-talba saret bħala miżura ta’ prekawzjoni biex titnaqqas it-tixrid tal-koronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn