Il-Qorti ma temmnux u tibagħtu tmien xhur ħabs

Raġel ta’ 46 sena minn Burmarrad, li kien kompliċi f’serqa minn dar fil-Mellieħa fl-2014, ingħata sentenza ta’ tmien xhur priġunerija.

Francis Formosa kien wieħed minn tlett irġiel li ħadu sehem f’serqa minn dar fi Triq il-Qortin fit-8 ta’ Lulju tal-2014 għall-ħabta ta’ nofsinhar.

L-irġiel kienu nqabdu mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit ftit wara li twettqet is-serqa.

Meta waslu fuq il-post, il-Pulizija kienu sabu karozza b’żewġt irġiel fiha, fosthom l-akkużat.

Il-Pulizija komplew iduru fl-inħawi meta lemħu lil Formosa ħiereġ minn wara xi siġar u aktar tard lemħu lil raġel ieħor, Josef Buttigieg minn Birkirkara, jaqbeż ħajt u jżomm f’idu baskett mimli ġojjellerija.

Iż-żewġt irġiel kienu arrestati. Buttigieg kien wieġeb ħati u ngħata sentenza ta’ sentejn priġunerija.

Ix-xhieda li Formosa ta quddiem il-Qorti qajmet diversi mistoqsijiet. Formosa kien qal li kien iddobba lift għal San Pawl il-Baħar biex jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija tal-Qawra għax kien fuq ħelsien mill-arrest dwar każ separat. Kien qal ukoll li kien baqa’ ma sieħbu li kellu jmur sal-Mellieħa għal qadja oħra.

Fil-każ tiegħu, Buttigieg kien xehed l-istess u qal li Formosa ma kellux idea li hu kien dieħel jisraq.

Minkejja dan il-Qorti, ppreseduta minn Josette Demicoli ma emmnitx din il-verżjoni għax hu kien intlemaħ mill-Pulizija wara l-istearing u mhux  fuq is-sedja tal-passiġġier.

Il-Qorti ddeċidiet li l-akkużat kien qiegħed jistenna biex malli Buttigieg ilesti mis-serqa jaħarbu malajr.

Min-naħa tagħha l-vittma qalet li kienet rat il-vettura ddur madwar iż-żona xi jiem qabel.

Għalhekk il-Qorti ddikjarat lil Formosa ħati li kien kompliċi fis-serqa u apparti s-sentenza ta’ priġunerija, ordnatlu biex fi żmien tliet snin, iħallas €601.68.

Formosa kien ukoll akkużat li kiser ħames kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest mogħtija f’diversi kazijiet oħra pendenti.