Il-Qorti ma taqbilx mat-tiġrijiet taż-żwiemel fit-toroq

Facebook/Soċjetà Filarmonika La Stella

Il-Qorti ma taqbilx li t-tiġrijiet taż-żwiemel isiru fit-toroq.

F’seduta fil-Qorti ta’ Għawdex, fl-14 ta’ Ġunju li għadda, il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li l-Qorti qed tagħmilha ċara li ma taqbilx ma’ dawn it-tip ta’ tiġrijiet li jsiru fil-festi u li jsiru fit-toroq pubbliċi.

Il-Maġistrat qal dan f’sentenza li ta lil raġel ta’ 42 sena li kien akkużat li kkawża tbatija mhux neċessarja liż-żwiemel tiegħu meta pparteċipa fit-tiġrijiet tradizzjonali ta’ Santa Marija li jsiru tul Triq ir-Repubblika fir-Rabat Għawdex. Il-każ imur lura għal Awwissu 2016.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat insista b’ton sarkastiku li dawn it-tiġrijiet li isiru f’ġieħ xi qaddis jew qaddisa, żgur li m’għandhomx isiru f’ġieħ San Franġisk, il-qaddis protettur tal-annimali.

Fl-istess każ, l-akkużat kien inħeles mill-akkużi miġjuba kontrih minħabba li ma kienx hemm biżżejjed provi, bil-Maġistrat jgħid li “l-ebda żiemel ma kien intervistat”.

Fit-tiġrijiet tat-Tnejn li għadda li kienu qed jiġu organizzati għall-festa ta’ San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex, mara ta’ 72 sena ntlaqtet minn żiemel u weġġgħet gravi.

Tintlaqat minn żiemel f’Għawdex; ġrieħi gravi – Newsbook