Mandat ta’ arrest għal Keith Schembri; il-Qorti ma jirnexxiliex tinnotifikah

Aġġornat 02:13 PM
FILE PHOTO: Keith Schembri, Chief of Staff in the office of Malta's Prime Minister Joseph Muscat, arrives for a joint news conference between Muscat and President of the European Council Donald Tusk in Valletta, Malta, March 31, 2017. REUTERS/Darrin Zammit Lupi/File Photo

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Qorti ma rnexxiliex tinnotifika lill-eks-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri sabiex jidher fil-Qorti llum. Għaldaqstant, l-Imħallef Lawrence Mintoff ordna l-arrest tiegħu minħabba li baqa’ ma tfaċċax fil-Qorti.

Hu kien fil-lista tax-xhieda fil-każ kostituzzjonali li Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj fetaħ kontra l-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan minħabba li qed jgħid li hemm kunflitt ta’ interess hekk kif Fenech li qed jaffaċċa akkużi li ffinanzja l-assassinju, qal li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kien jgħaddilu informazzjoni li tasallu mingħand Arnaud.

Fenech qal li Arnaud huwa viċin ħafna ta’ Schembri u ma jistax jinvestiga dan il-każ. Saħaq li Schembri żammu infurmat bil-progress tal-investigazzjoni inkluż li l-Pulizija kienet qed issegwih.

Filwaqt li jidher li x-xhieda kollha li kellhom jidhru llum ġew notifikati mill-Qorti biex jagħmlu dan, sorsi spjegaw li l-marixxalli tal-Qorti ma rnexxielhomx isibu lil Schembri sabiex formalment jitolbuh jidher fil-Qorti.