Il-Qorti Kriminali Internazzjonali titfa’ ħarsitha fuq il-Filippini

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) se tiskatta eżaminazzjoni preliminari dwar krimini mwettqa fil-Filippini waqt il-gwerra kontra d-droga mmexxija mill-Gvern tal-President Filippin, Rodrigo Duterte.
Fatou Bensouda, li hija l-Prosekutur Prim tal-ICC, qalet li se tindaga rapporti ta’ qtil mhux awtorizzat.
Sostniet li segwiet mill-qrib dak li kien qed iseħħ fil-Filippini, iżda anki fil-Venezwela, u rrimarkat li l-attenzjoni tagħha fuq dawn iż-żewġ każijiet kienet waħda meqjusa, imparzjali u indipendenti.
Il-President Filippin dejjem aċċetta l-qtil li sar fil-ġlieda tal-gvern tiegħu kontra d-droga, iżda dan qajjem furur sħiħ mill-komunità internazzjonali minħabba l-eluf li nqatlu, anki nies innoċenti, sa minn Lulju tal-2016.
Min-naħa l-oħra l-President Venezwelan, Nicolas Maduro, qed jaffaċċja akkużi ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-aktar minħabba l-protesti tas-sena l-oħra kontra l-Gvern meta nqatlu aktar mibb 120 persuna.
Bensouda enfasizzat li l-eżaminazzjonijiet tal-ICC huma bbażati fuq The Hague mhumiex investigazzjonijiet, iżda proċess biex tiġi eżaminata l-informazzjoni sabiex jiġi ddeterminat hemmx biżżejjed evidenza biex ikun hemm l-investigazzjonijiet.
Sadanittant, il-kelliem tal-President Duterte qal li l-eżaminazzjoni tal-ICC hija ħela ta’ ħin u riżorsi, għalkemm l-Amnesty International laqgħet l-istqarrija tal-ICC fuq il-Filippini.