Il-Qorti Kriminali bir-responsabbiltà li tagħżel amministratur għall-assi ta’ Schembri

Keith Schembri
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Qorti Kostituzzjonali llum għaddiet ir-responsabbiltà tal-għażla tal-amministratur għall-kumpaniji ta’ Keith Schembri lill-Qorti Kriminali. Dan ħareġ f’digriet illum.

Ordni tal-Qorti maħruġa f’Settembru li għadda kienet wasslet għall-iffriżar tal-assi tal-kumpaniji propjetà ta’ Schembri. L-ordni tal-Qorti kienet tinkludi 91 kumpaniji u persuni. Fosthom kien hemm Schembri u l-imsieħba tiegħu. Kien hemm ukoll Karl Cini u Brian Tonna tan-Nexia BT li huma l-accountants ta’ Schembri. Dan koll minħabba suspett ta’ ħasil ta’ flus.

Bħalissa, Schembri qed jappella dan l-iffriżar tal-assi. Hu qed jgħid li dan l-iffriżar tal-assi, mhux talli pparalizza n-negozju tiegħu, iżda wkoll jista’ jħalli effetti katastrofiċi mhux biss fuq l-istess negozju, iżda wkoll fuq il-ħaddiema tiegħu u l-familji tagħhom.

Fl-24 ta’ Settembru wħud mir-rikorrenti ppreżentaw rikors li bih talbu wkoll lill-Qorti Kriminali sabiex tinnomina amministratur sabiex il-kumpaniji jkunu jistgħu jkomplu bin-negozju. Il-Qorti iżda kienet ċaħdet din it-talba. Ir-raġuni wara ċ-ċaħda kienet minħabba li l-Artikolu 4 tal-Kap. 373 “…. huwa sieket kompletament dwar il-miżura li jiġi maħtur amministratur mill-Qorti Kriminali. Dan il-vakum ma jistax jiġi mimli minn din il-Qorti.”

Is-saga kompliet hekk kif fit-2 ta’ Ottubru r-rikorrenti ppreżentaw kawża kostituzzjonali u ilmentaw li l-Artikolu 4 tal-Kap. 373 ma jagħtix rimedju ordinarju lill-persuni milquta b’ordni ta’ investigazzjoni u sekwestru, sabiex jikkontestaw l-ordni.

Fl-14 ta’ Ottubru, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili laqgħet it-talba li jinħatar amministratur u talbet lil Schembri u lill-Avukat Ġenerali sabiex fi żmien jumejn jippreżentaw l-isem ta’ amministratur jew amministraturi. Wara, l-Avukat tal-Istat appella d-deċiżjoni minħabba bażi proċedurali. Fost l-oħrajn, l-Avukat tal-Istat qal li Schembri ma kienx ippreżenta provi ta’ periklu rreparabbli reali jew imminenti.

Fit-30 ta’ Ottubru, l-Avukat tal-Istat appella mid-deċiżjoni u fit-2 ta’ Novembru l-appellanti ppreżentaw tweġiba fejn taw ir-raġunijiet għaliex il-Qorti għandha tiċħad l-appell. Fost ir-raġunijiet li taw, l-appellanti qalu li ma jaqblux li l-amministratur għandu jinħatar taħt l-awtorità tal-Qorti Ċivili. Komplew li b’hekk il-Qorti Ċivili se tkun qegħda tidħol f’investigazzjoni kriminali li għadha għaddejja permezz tal-ħatra ta’ amministratur, meta hi l-Qorti Kriminali li ordnat il-ħruġ tal-ordnijiet ta’ investigazzjoni u sekwestru. L-appellanti ma qablux mal-ordni li tat l-ewwel Qorti għaliex meta ddeċidiet li l-amministratur għandu jkun taħt l-awtorità tagħha u sorveljat mill-Avukat Ġenerali, ġiet li eskludiet kompletament lill-Qorti Kriminali. Dan fost diversi punti oħrajn imsemmija fl-appell.

Il-Qorti llum laqgħet l-appell parzjalment u varjat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-14 ta’ Ottubru billi l-Qorti Kriminali ngħatat ir-responsabbiltà li tagħżel l-amministratur wara li tisma’ l-partijiet. L-ispejjeż tal-amministratur ikunu għall-kumpaniji appellati, bla preġudizzju għal kwalunkwe dritt li jista’ għandhom fil-futur. L-amministratur għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu taħt id-direzzjoni u l-awtorità tal-Qorti Kriminali diment li jibqgħu fis-seħħ l-ordnijiet ta’ investigazzjoni u sekwestru tal-21 u 22 ta’ Settembru. Il-Qorti ċaħdet il-kumplament tal-appell tal-appellanti u kkonfermat il-kumplament tad-deċiżjoni tal-ewwel Qorti.

L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jidhru f’isem Schembri. Intant, l-avukati Fiorella Fenech Vella u Maurizio Cordina qed jidhru f’isem l-Avukat tal-Istat.

Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.