Il-Qorti Kostituzzjonali tikkonferma li nkisru d-drittijiet ta’ mara ddivorzjata

Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat is-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti li kienet iddikjarat li nkissru d-drittijiet fundamentali ta’ mara, meta f’kuntratt dwar xiri ta’ propjetà, kienet kostretta tniżżel informazzjoni li hi kienet iddivorzjata, apparti li tniżżel ukoll isem l-eksraġel tagħha.
Kienet l-istess mara li fetħet il-kawża kontra l-Avukat Ġenerali fejn kienet talbet lill-Qorti tiddikjara li nkisru d-drittijiet tagħha skont il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-kumpanija, li tagħha kienet direttur, kienet se tixtri propjetà iżda meta ressqet biex tiffirma l-konvenju, indunat li wara isimha kien hemm imniżżel li kienet iddivorzjata u anke kien hemm imniżżel isem l-eksraġel tagħha.
Jidher li n-nutar kien qalilha li mingħajr dan it-tagħrif, il-kuntratt ma jkunx jista’ jiġi rreġistrat fir-Reġistru Pubbliku.
Fil-Qorti kienet qalet li ħassitha skomda ħafna u indunat li minkejja li kienet iddivorzjata, isem l-eksraġel tagħha kien se jibqa’ assoċjat tagħha.
Cuschieri kienet saħansitra talbet lill-Bord tal-Kumpanija biex jidher fil-kuntratt minflokha.
Il-Qorti kienet saħansitra ordnat lir-Reġistratur tal-Qrati Ċivili biex jgħaddi kopja ta' din is-sentenza lill-Ispeaker tal-Kamra biex jgħarraf biha lill-Parlament.
L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kien appella minn din is-sentenza, iżda l-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri, l-Imħallef Giannino Caruana Demajo u l-Imħallef Noel Cuschieri żammet mal-ewwel deċiżjoni.
Fis-sentenza, il-Qorti Kostituzzjonali għamlet referenza “għall-avvanzi progressivi u sinifikanti li qed isiru fil-qasam tal-ugwaljanza.”
Kien għalhekk li saħqet li ma tistax tinjora l-fatt li għandha tkun prijorità ewlenija li tintemm kull diskriminazzjoni, inklux il-kriterju tas-sess.
Minflok ma jimponi fuq il-mara, il-Qorti saħqet li l-Istat għandu dmur li jwettaq rifomi amministrattivi neċessarji biex jevita li jseħħu jew ikomplu jseħħu vjolazzjonijiet ta’ drittijiet fundamentali.