“Il-Qorti għal min ma jħallasx VAT fuq il-pastizzi mhux għall-korrotti”

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sostna li lil min jagħmel il-korruzzjoni tal-miljuni ma jitressaqx il-Qorti, iżda jekk persuna ma tħallasx il-VAT fuq nofs tużżana pastizzi jispiċċa l-Qorti.

Hu qal dan f’intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, NetFM dalgħodu.

Delia sostna li llum il-ġurnata spiċċa ż-żmien tal-politika partiġġjana f’Malta. Insista li issa wasal iż-żmien li l-Maltin ipoġġu lil pajjiżhom qabel il-partiti. Sostna li l-poplu jrid jinsa li Malta hija “tagħna lkoll” u jibda jemmen li Malta hija “aħna wkoll”. Delia irrimarka li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem sabiex jinbidel internament ħalli jassigura li dan kollu jkun jista’ jsir.

L-intervista kienet iffukata fuq il-laqgħa tal-Kunsill Ġenerali Straordinarju li saret ilbieraħ fejn il-partit nieda d-dokument “Riforma u Tiġdid” li jinkludi 15-il proposta fid-dawl tas-sitwazzjoni politika kurrenti f’Malta.

Irrimarka li l-PN iddeċieda li jlaqqa’ l-ogħal organu tal-partit biex ikun jista’ jara li jilħaq l-obbligu tiegħu fl-Oppożizzjoni. Sostna li l-partit mhux se joqgħod jistenna li jkun fil-Gvern sabiex jagħti s-suġġertimenti tiegħu. Sostna li ladarba l-partit ħareġ b’qafas ta’ x’jista’ jsir, mela qasam l-ideat tiegħu b’mod immedjat bil-għan li jiġu kkunsidrati mill-Gvern u ssir ħidma għall-benefiċċju tal-pajjiż.

Delia insista li hemm bżonn il-libertà li wieħed jitkellem mingħajr ħadd ma joħodlu xogħolu. Qal li f’Malta hawn bosta nies tajbin u żgħażagħ kapaċi. “Għalfejn għandna ninħakmu minn din il-korruzzjoni għax il-poter sħiħ jinsab f’id waħda?”

Waqt l-intervista, Delia sostna li fi żmien meta l-Partit Laburista qed iżomm lill-pajjiż wieqaf, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tibqa’ tiġġieled għall-verità u s-sewwa. Qal li dan hu l-irwol sħiħ tal-Oppożizzjoni. Sostna li kull ċittadin għandu jkun parti mill-bidla.