​Il-Qorti fil-Kenja tissospendi l-aġir tal-Gvern kontra stazzjonijiet televiżivi

Il-Qorti fil-Kenja ssospendiet l-azzjoni tal-Gvern Kenyan li għażel li jagħlaq tlieta mill-akbar stazzjoniiet televiżivi fil-pajjiż.
Skont il-midja internazzjonali, l-istazzjonijiet ta’ KTN, NTV, u Citizen TV twaqqfu milli jkomplu jxandru minħabba pjanijiet li kellhom li jxandru l-inawgurazzjoni mhux uffiċjali tal-Kap tal-Oppożizzjoni Raila Odinga.
Is-sospenzjoni tal-Qorti fuq il-projbizzjoni tax-xandir se ddum 14-il jum sakemm jinstema’ l-każ.
Madanakollu, l-istazzjonijiet bħalissa mhux qed ixandru. Jidher li l-Gvern mhux se jkun qed isegwi l-istruzzjonijiet tal-Qorti.
Gruppi fl-oppożizzjoni fil-Kenja qed jakkużaw lill-Gvern tagħhom talli qed imur kontra d-dritt tal-pubbliku li jirċievi informazzjoni dwar attivitajiet importanti.
Il-Ministru għall-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni fil-Kenja qal mal-BBC li din il-kwistjoni kienet waħda ta’ sigurtà u li għalhekk il-Ministru għas-Sigurtà biss ikun jista’ jwieġeb dwar meta l-istazzjonijiet se jerġgħu jitħallew ixandru.