Il-Qorti fid-dmir li tipproteġi lis-soċjetà mhux id-drittijiet tal-kriminal biss – Maġistrat

Il-Maġistrat Joe Mifsud tkellem dwar id-dmir tal-Qorti li tipproteġi lis-soċjetà minn persuni li jistgħu jkunu ta’ periklu għaliha. Hu qal dan hu u jagħti digriet fil-Qorti fejn irrifjuta l-ħelsien mill-arrest ta’ raġel li fost l-oħrajn qed ikun akkużat bi traffikar ta’ droga.

Fid-digriet tiegħu, Mifsud qal li meta tiġi kkunsidrata talba għall-Ħelsien mill-Arrest, il-Qorti hija marbuta li tqis diversi fatturi u interessi li mhux dejjem huma faċilment konċiljabbli. Qal li l-Qorti trid tikkunsidra l-interessi tal-imputat li jkun jinsab taħt arrest fejn il-libertà tiegħu tkun ittieħdet. Mill-banda l-oħra spjega li l-Qorti trid tara li tibbilanċja dawn l-interessi mal-interessi tar-Repubblika li trid tara li l-Ġustizzja ssir mingħajr xkiel f’dan l-istadju. 

Il-Maġistrat qal li hemm bżonn li meta jkun diskuss il-ħelsien mill-arrest, wieħed irid iqis dak li jkunu għaddejjin minnu l-familji ta’ imputati li ħafna drabi jkunu qed isofru fis-skiet ta’ djarhom imbeżża’, mhedda u misruqa minn uliedhom stess.

Qal li hemm bżonn li minbarra l-interessi tal-imputat jitħarsu l-interessi tas-soċjetà wkoll. Sostna li ħafna drabi jkunu l-membri tas-soċjetà li jinsterqu, jissawtu u jkunu mhedda fi djarhom, fit-toroq u fil-ħwienet.

Il-Maġistrat semma kif fil-Konvenzjoni Ewropea, il-Kostituzzjoni u d-Direttivi m’hemmx biss drittijiet għall-imputati imma hemm ukoll drittijiet għal dawk iċ-ċittadini li jsegwu l-liġi u l-vittmi tal-kriminalità.

“Il-Qorti wisq tibża’ li fl-aħħar snin enfasizzajna wisq fuq id-drittijiet tal-imputati kif għandu jkun, iżda ma tajniex widen biżżejjed għal dawk kollha li jgħixu fis-soċjetà tagħna li għandhom bżonn il-protezzjoni tal-Qrati wkoll,” irrimarka l-Maġistrat Mifsud.

Insista li hemm bżonn urġenti li meta jkunu diskussi għotjiet ta’ ħelsien mill-arrest, barra Artiklu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea li jkun ikkwotat ħafna, hemm bżonn ukoll li dak li jkun iħares aktar lejn Artikolu 2, il-Protezzjoni tal-Ħajja u l-obbligu tal-Istat li jħares il-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu f’dawn il-gżejjer. Qal li huwa fl-interess tal-ġid komuni li l-Qrati ma jinġarrux mal-kurrent imma jkunu huma li jagħtu direzzjoni f’soċjetà li tilfet ħafna mill-valuri umani sodi.

Id-digriet finali

Il-Maġistrat qal li l-Qorti qieset li l-imputat hu preżunt innoċenti sakemm ikun dikjarat mod ieħor. Iżda qieset ukoll l-akkużi serji li bihom jinsab akkużat l-imputat. Dawn huma marbuta ma’ sejbien ta’ droga f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. L-imputat jinsab akkużat ukoll bi ksur ta’ kundizzjonijiet għall-Ħelsien mill-Arrest minn Qorti oħra fl-20 ta’ Lulju 2016.  Il-Qorti qieset ukoll li l-fedina penali tal-imputat mhix waħda nadifa.

B’hekk, il-Qorti rrifjutat it-talba tal-ħelsien mill-arrest.