Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ssib nuqqasijiet kbar fil-proġett ta’ Triq il-Kosta

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li kien hemm nuqqasijiet fil-mod kif ġew amministrati l-fondi Ewropej biex saret Triq il-Kosta.
Mir-rapport tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri għall-2014, li ġie ppubblikat illum, jingħad li ġew identifikati 14-il proġett b’fondi Ewropej fi tmien pajjiżi Ewropej fosthom Malta fejn inkisru l-liġijiet tal-għajnuna statali. 
Dwar il-proġett ta’ Triq il-Kosta, li hija parti min-network tat-toroq magħrufa bħala TEN-T u għalhekk ingħatat fondi Ewropej, il-Qorti Ewropea qalet li l-Awtoritá nnegozjat direttament il-kuntratt mal-kumpanija, li wettqet ix-xogħlijiet mingħajr ma saret sejħa kompetittiva.
Ir-rapport jikkonkludi li dan ma sarx skont il-liġijiet Ewropej u l-ispiża kif iddikjarata fil-kuntratt hija ineliġibbli u mhix adattata.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri tindika li fost l-oħrajn, fil-proġett ta’ Triq il-Kosta kien hemm spejjeż li ġew iddikjarati wara li skada iż-żmien eliġibbli, salarji għoljin u dikjarazzjonijiet ta’ spejjeż li ma kienux relatati mal-proġett. 
Hekk kif ġie ppubblikat dan ir-rapport, il-membru tal-Parlament Ewropew tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li r-rapport juri biċ-ċar nuqqasijiet tal-Gvern fix-xogħlijiet li saru fi Triq il-Kosta.
Sostniet li l-Gvern kien f’paniku dwar dan il-proġett u ipprova jgħatti l-irregolaritajiet li saru fl-amministrazzjoni tal-fondi Ewropej, tant li biddel il-verżjoni tliet darbiet fuq il-€11-il miljun mitlufa.
Metsola sostniet li r-rapport juri kif dan il-proġett huwa każ ta’ kif m’għandhomx jiġu amministrati fondi Ewropej u turija ta’ nuqqas ta’ trasparenza min-naħa tal-Gvern.