Il-Qorti Eġizzjana tikkundanna 75 persuna għall-mewt

REUTERS/Shokry Hussein

Il-Qorti Eġizzjana ikkundanat 75 persuna għal mewt inkluż mexxejja Iżlamiċi prominenti. Il-Qorti ikkundanat iktar minn 600 persuna oħra l-ħabs wara l-protesta li saret fl-2013 li kienet spiċċat b’diversi attivisti maqtula mill-forzi tas-sigurtà,

B’hekk ġie konkluż il-proċess ta’ madwar 700 persuna li kienu akkużati b’diversi reati li jinkludu l-qtil u stedina ta’ vjolenza waqt protesta favur il-Muslim Brotherhood fil-Pjazza ta’ Rabaa Adawija fil-Kajr.

Il-gvern qal li diversi minn dawk li kienu qed jipprotestaw kienu armati u 8 persuni mill-forzi tas-sigurtà kienu spiċċaw maqtula. Fil-bidu l-Gvern kien sostna li iktar minn 40 pulizija inqatlu.

L-għaqda internazzjonali li taħdem favur id-drittijiet tal-bniedem ikkundanat id-deċiżjoni meħudha mill-Qorti u saħqet li l-proċess fil-Qorti kien wieħed tal-mistħija.