Il-qniepen b’moti funebri l-Ħamis b’tislima lill-Kardinal Grech

Read in English.

Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti għall-funeral tal-Kardinal Prospero Grech.

Fi stqarrija konġunta, il-Provinċja Agostinjana u l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalu li l-katavru tal-Kardinal se jasal Malta nhar l-Erbgħa. Fl-4.30pm tibda l-purċissjoni tal-funeral lejn il-Birgu, fejn twieled u tgħammed il-Kardinal. Imbagħad ikun hemm xi talb fil-Knisja ta’ San Lawrenz.

Il-purċissjoni tkompli sal-kunvent ta’ San Mark tal-Agostinjani fir-Rabat fis-6pm. Il-kunvent mhux se jkun miftuħ għall-pubbliku dak il-ħin.

L-għada l-Ħamis, il-katavru jitpoġġa fil-kappella tal-kunvent. Il-pubbliku hu mistieden imur fil-kappella bejn id-9am u 12pm. F’12pm, il-knejjes madwar Malta u Għawdex se jdoqqu mota funebri.

It-tebut tal-Kardinal jittieħed il-Katidral tal-Imdina fis-1.40pm, u l-quddies għal ruħu tibda fis-2pm. Il-quddies se tkun ippreseduta mill-Arċisqof Charles Scicluna, u konċelebrata mill-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta, mill-Isqof t’Għawdex Mario Grech, mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mill-Isqof Pawlu Darmanin, l-Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.

L-Ordni Agostinjana se tkun rappreżentata mill-Vigarju Ġenerali Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. Il-Provinċja Agostinjana Maltija se tkun rappreżentata mill-Provinċjal Agostinjan Leslie Gatt u minn numru ta’ membri oħra tal-Agostinjani.

Patri Alexander Longs se jirrappreżenta l-komunità ta’ Santa Monika f’Ruma, fejn il-Kardinal għex għal iżjed minn 60 sena.

Il-kongregazzjoni se titmexxa mill-President George Vella.

Wara ssir id-difna privata.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija esprimiet ix-xewqa li minflok jintbagħtu fjuri, isiru donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza jew lis-Segretarjat għall-Missjonijiet Agostinjani.