Il-qligħ mid-dramm Zayden se jintuża biex jgħin lil min hu bla saqaf f’Malta

Zayden, produzzjoni teatrali ta’ siegħa bil-Malti, żgur li se ikun wieħed mill-iktar xogħlijiet li ħa jolqtu fil-laħam il-ħaj das-sajf.

Dan id-dramm se jisfida l-idea żbaljata li m’hawnx nies bla saqaf fuq rashom f’Malta. Anki jekk ma narawx nies jittallbu l-karità fit-toroq Maltin, dan ix-xogħol ħa juri li xorta waħda hawn nies f’pajjiżna li m’għandhomx fejn jgħixu.

“Ninsab bi ħġari biex intella’ din il-produzzjoni bil-Malti. L-udjenza ħa tidħaq, see xxedd demgħa,” jistqarr il-kittieb u d-direttur ta’ Zayden Tyrone Grima, “Imma fuq kollox ħa tintebaħ li wasal iż-żmien biex intejbu d-dinja li qed ngħixu fiha.”

Is-sur Grima b’ħila kbira fassal il-produzzjoni fuq l-istorja ta’ ġuvni Malti li kien bla saqaf fuq rasu għal bosta snin. Bħala udjenza, aħna nakkumpanjaw lil Zayden fil-ġrajja tal-ħajja tiegħu sabiex nifhmu aħjar x’jiġifieri li tgħix ba saqaf fuq rasek f’Malta. Imma Zayden mhux it-tip ta’ ġuvni li jitbekka u jeqred, u għalhekk jaqsam ukoll mal-udjenza xi praspar minn tiegħu bħal meta ħarab minn idejn il-pulizija jew meta seraq il-frott mill-ġonna ta’  Sant’ Anton. Dawn l-istejjer umoristiċi, imħaltin mat-tbatija li Zayden għadha minnha, turi kemm dawn is-sitwazzjoniijiet qed iseħħu tassew u qed iseħħu madwarna.

Zayden qed tittella’ b’kollaborazzjoni mas-Salesjani ta’ Don Bosco. Il-qligħ ħa jmur għall-ħidma li s-Salesjani jwettqu maz-zgħażagħ li m’għandhomx saqaf fuq rashom biex jgħinuhom itejbu l-ġejjieni tagħhom.

Zayden se jittella’ fl-Isplendid, il-Belt fit-8 ta’ filgħaxija fil-25 ta’ Lulju, u fis-7 u nofs  u fid-9 ta’ filgħaxija fis-26, 27, 28 ta’ Lulju. Għall-biljetti u għal iktar informazzjoni wieħed jsita’ jidħol fuq is-sit showshappening.com.