Il-qirda tal-foresti hi l-qirda tal-umanità

L-Amazonia: il-pulmun tad-dinja. Hemm bżonn azzjoni urġenti biex insalvaw il-pjaneta li ngħixu fiha

Papa Franġisku f’intervista li ta lill-ġurnal Taljan La Stampa ftit jiem ilu, fejn ikkundanna  s-sovraniżmu u l-populiżmu, tkellem ukoll dwar l-isfidi li qed jiffaċċja l-ħolqien u nsista li ħafna mill-ossiġnu li nieħdu ġej mill-Amazonia.  Sostna li għalhekk il-qirda tal-foresti u s-siġar tfisser il-qirda tal-umanità.

Huwa qal li l-għażla ta’ l-Amazonia biex isir Sinodu dwarha saret għax ir-reġjun hu rappreżentattiv u deċisiv għall-ħolqien u flimkien mal-oċeani jikkontribwixxi b’mod deċisiv biex il-pjaneta tagħna ssalva. Ir-reġjun jiġbor fih disa’ pajjiżi u hu l-pulman tal-pjaneta.

L-urġenza tas-Sinodu

Mistoqsi fl-intervista dwar is-Sinodu dwar l-Amazonia li se jsir fil-Vatikan, il-Papa qal li dan ħareġ minn “Laudato si”. Ikkjarifika li din m’hix enċiklika “ħadra” imma “enċiklika soċjali bażata fuq ir-realtà ‘ħadra’ tal-kustodja tal-ħolqien.

“Dan hu Sinodu ta’ urġenza”, qal il-Papa filwaqt li esprima x-xokk tiegħu li sad-29 ta’ Lulju li għadda l-bniedem kien ġie eżawrixxa r-riżorsi riġenerattiva li suppost iservuna sal-aħħar tas-sena.  Dan il-fatt flimkien mas-silġ li qed idub li jġib riskju li l-oċeani jogħlew, iż-żjieda tal-plastik fil-baħar, il-qirda tas-siġar u l-foresti u sitwazzjonijiet kritiċi oħra qed jagħmlu l-pjaneta li ngħixu fiha f’sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Madankollu l-Papa qal li s-Sinodu mhux laqgħa tax-xjenzjati, politiċi jew ta’ xi Parlament. “Qed jitlaqqa’ mill-Knisja u għandu skop u dimensjoni ta’ evanġeliżazzjoni.  Se jkun laqgħa ta’ xogħol iggwidat mill-Ispirtu s-Santu”.

Politika

Mistoqsi dwar il-politika il-Papa qal li “t-theddida għall-ħajja tal-popli u t-territorji ġejja mill-interessi politiċi u ekonomiċi ta’ setturi dominant tas-soċjetà”. Għalhekk sostna l-Papa Franġisku, il-politika trid telimina l-korruzzjoni u l-kompromessi u tieħu resonsabbiltà konkreta fuq affarijiet bħalama huma l-isfruttar tal-minjieri li javvelenaw l-ilma u joħolqu ħafna mard.

Tama fiż-żgħażagħ

Il-Papa Franġisku esprima l-fiduċja tiegħu fiż-żgħażagħ u l-movimenti tagħhom biex jieħdu attitudni ġdida favur il-kura tal-ħolqien. Hu rrefera għall-attivista Svediża, Greta Thunberg li qed tmexxi protesta internazzjonali kontra t-tibdil fil-klima. Qal li kien impressjonat meta ra  poster ta’ din it-tfajla bil-kliem: “Aħna l-Futur”. Din qed tiġbed l-attenzjoni għal affarijiet żgħar imma huma azzjonijiet konkreti favur l-ambent, qal il-Papa.

Id-dritt għall-ħajja hu primarju

Meta tkellem dwar l-imigrazzjoni Papa Franġisku enfasizza l-erba’ prinċipji li nilqgħu, nakkumpanjaw, nippromwovu u nintegraw lil dawn in-nies.

Hu qal li l-kriterju important hu d-dritt għall-ħajja li hu marbut mal-kundizzjonijiet tal-gwerer u l-ġuħ li dawn in-nies jaħarbu minnhom, partikolarment mill-Lvant Nofsani u l-Afrika. Il-gvernijiet u l-awtoritajiet għandhom jaħsbu u jaraw kemm jistgħu jieħdu minn dawn l-emigranti.

Il-Papa appella għal soluzzjonijiet kreattivi, fosthom li nimlew in-nuqqas ta’ ħaddiema f’diversi setturi, fosthom dak agrikolu, permezz ta’ dawn in-nies.  Hemm pajjiżi li għandhom bliet sħaħ vojta minħabba n-nuqqas demokragiku.  Il-komunitajiet tal-emigranti jistgħu jagħtu ħajja ġdida fl-ekonomija ta’ dawn l-inħawi.

Dwar il-gwerer il-Papa Franġisku qal li “irridu nimpenjaw lilna nfusna u niġġieldu għall-paċi”. Il-ġuħ, l-aktar li jolqot hu l-kontinent Afrikan li jsostni li hu l-vittma tal-esplojtazzjoni. Parti mis-soluzzjoni hi li jsir investiment f’dan il-kontinent biex ikunu solvuti l-problemi u tieqaf il-mewġa ta’ imigrazzjoni.