Il-qies tal-pajjiż mhux xkiel biex wieħed jilħaq – Metsola

L-elezzjoni bħala l-ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew hija xhieda li  l-qies u l-limitazzonijiet tal-pajjiz u l-ġeneru m’għandhomx ikunu ta xkiel biex wieħed jilħaq l-għanijiet.

Roberta Metsola qalet dan meta kienet intervistata waqt Newsbook Q&A minn Jes Saliba. Metsola fissret li l-elezzjoni tagħha bħala mument speċjali għal poplu Malti u għal Malta fejn ikollok mara Maltija li tilħaq it-tieni l-ogħla kariga fil-Parlament Ewropew.

Ir-rwol tal-mara fil-politika

Meta nħares lejn minn fejn bdejt fil-politika u l-mod kif evolviet il-karriera politika tal-mara f’Malta, llum għandna ħafna iktar nies li qed jivvutaw għal mara fil-politika. Tul l-erbgħa elezzjonijiet li kkontestajt rajt żieda kostanti minn elezzjoni għall-oħra ta’ nies li għażlu li jivvutaw nisa.

Mara tista tiġi eletta bl-ebda imbuttatura artifiċċjali imma fuq il-mertu. Hija fissret li l-President tal-Parlament Ewropew ukoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal fatt li dan il-post ser ikun okkupat minn mara.

Ir-Rwol tal-Viċi President

Ir-rwol ta Viċi President tal-PE jfisser li Roberta Metsola ser tkun responsabbli mir-relazzjojinijet mal-Istati Uniti, ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit wara Brexit, il-libertajiet tar-reliġjon u l-persuna li tiffirma l-leġiżlazzjoni wara li jkunu approvati mill-istituzzjonijiet ko-leġiżlattivi tal-Unjoni Ewropeja. Hija komnpliet li ser tkompli bil-ħidma tagħha fl-oqsma tal-libertajiet tal-midja, drittijiet tat-tfal u l-liberta u l-ġustizzja.

Ir-Rwol tal-Parlament Ewropew

Roberta Metsola spjegat li dak li nkiseb din il-ġimgħa mill-Parlament Ewropew, fil-kuntest tal-vot dwar il-budget għandu importanza li juri l-fatt li l-Parlament Ewropew irid japprova dak li jkun miftiehem. Fil-fatt f’dan il-budget, il-Parlament Ewropew ħadem biex jizdied il-budget u biex ikun hemm il-kundizzjonalita’ li tfisser li l-fondi Ewropej ma jingħatawx lil dawk il-pajjiżi li jkunu qed jiksru l-aspetti fundamentali li fuqhom hija mibnija l-Ewropa.

B’dan il-vot, issa, pajjiż li jkun qed joħnoq il-libertajiet ma jingħatax il-fondi biex jintużaw mill-gvernijiet rispettivi.