“Il-qgħad fl-iktar livell baxx” – Bank Ċentrali

Il-publikazzjoni Economic Update tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, qalet li n-numru ta’ nies qiegħda kompla jonqos, bir-rata tal-qgħad tkompli tinżel għall-iżjed livell baxx qatt irreġistrat. F’Mejju kompliet tiżdied b’rittmu b’qawwi l-attività fit-turiżmu, filwaqt li b’kuntrast għal dan, kien hemm tnaqqis fil-produzzjoni industrijali u fil-bejgħ.

L-Indiċi tal-Kundizzjonijiet tan-Negozji (Business Conditions Index) ta’ Ġunju, baqa’ l-istess bħal dak ta’ Mejju u jindika kundizzjonijiet aħjar mill-medja Ewropeja.

Madanakollu, is-sentiment ekonomiku naqas bi ftit, hekk kif tnaqqis fis-sentiment fi ħdan is-setturi tal-kostruzzjoni, tas-servizzi u tal-bejgħ għeleb iż-żieda fl-ottimiżmu fil-qasa tal-industrija u fost il-konsumaturi.

Ir-rata annwali ta’ inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armoniżżat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) telgħet għal 1.7% fix-xahar ta’ Mejju.