Il-qgħad fiż-Żona Ewro tela’ għal 7.9% f’Lulju

F’Lulju diversi Stati Membri tal-UE reħew il-miżuri imposti kontra l-COVID-19, iżda minkejja dan, ir-rata tal-qgħad li ġiet aġġustata skont l-istaġun fiż-żona tal-Ewro telgħat għal 7.9%, minn 7.7% f’Ġunju.

Waqt li dawn iċ-ċifri jindikaw sitwazzjoni li qed tmur għall-agħar, dawn għadhom anqas miċ-ċifri li kienu ġew irreġistrati matul il-kriżi tad-dejn fl-Ewropa, meta l-qgħad kien laħaq rata rekord.

Iż-żona tal-Ewro qed tiffaċċja reċessjoni serja minħabba l-pandemija tal-coronavirus, fejn l-ekonomija naqset bi 12.1% fit-tieni kwart ta’ din is-sena – l-agħar tnaqqis minn meta bdew jinżammu r-rekords, skont Eurostat.

Skont data ta’ Eurostat, madwar 15.184 miljun persuna kienu mingħajr impjieg f’Lulju 2020, u 12.793 minnhom jgħixu fiż-żona tal-Ewro.

Meta mqabbel ma’ Ġunju 2020, l-għadd ta’ persuni mingħajr impjieg żdied bi 336,000 persuna fl-UE u bi 344,000persuna fid-19-il pajjiż taż-żona tal-Ewro.

L-istimi ta’ Eurostat huma bbażati fuq id-definizzjoni standard tal-qgħad li tintuża globalment mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol — persuni qegħda jitqiesu bħala dawk il-persuni mingħajr impjieg li kienu qed ifittxu impjieg b’mod attiv fl-aħħar erba’ ġimgħat, u li huma lesti li jibdew jaħdmu fi żmien ġimgħatejn.

F’Lulju 2020, ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ kienet ta’ 17.0% fl-UE u 17.3% fiż-żona tal-Ewro, rati li telgħu minn 16.9% u 17.2% rispettivament matul ix-xahar ta’ qabel.

Meta mqabbel ma’ Ġunju 2020, il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b’37,000 persuna fl-UE u 29,000 fiż-żona tal-Ewro.

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri introdotti biex jiġi kkontrollat il-virus ikkawżaw żieda qawwija fin-numru ta’ klejms għall-benefiċċji tal-qgħad madwar l-UE.

Imma proporzjon sinifikanti minn dawk li rreġistraw ma’ aġenziji tal-impjieg ma kienux baqgħu jfittxu impjieg b’mod attiv, u l-anqas ma kienu disponibbli għax-xogħol, għax kellhom jieħdu ħsieb lil uliedhom, fost raġunijiet oħra.

Dan wassal għal diskrepanzi fl-għadd ta’ persuni li kienu rreġistrati bħala persuni qegħda, u dawk meqjusa bħala persuni qegħda skont id-definizzjoni tal-ILO, skont Eurostat.

Biex jagħmel tajjeb għal dan, u biex tiġi rrapreżentata sew din is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol mingħajr preċedent li ġiet ikkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, ir-rapport ta’ Eurostat jieħu in konsiderazzjoni indikaturi addizzjonali mad-data miġbura, inkluż data dwar l-impjieg, nuqqas ta’ impjieg u parteċipanti addizzjonali potenzjali għall-forza tax-xogħol.