Il-qgħad f’Marzu jonqos b’iktar minn 1,800

F’Marzu n-numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol kien 1,861 inqas minn dak tal-istess xahar is-sena ta’ qabel.
Ċifri tal-NSO juru li waqt li f’Marzu tal-2015, in-numru ta’ dawk jirreġistraw għax-xogħol kienu ta’ kważi 5,900, sena wara niżlu għal 4,000.
It-tnaqqis seħħ f’kull kategorija ta’ dawk qegħda, l-iktar fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal iktar minn sena.
Il-qgħad fost il-persuni b’diżabilità naqas b’64 waqt li dak f’Għawdex naqas b’220.
L-NSO ppubblika wkoll ir-rata tal-qgħad għal Ottubru li kienet ta’ 2.8%. 
Fl-istess jum, il-Eurostat ippubblikat ċifri dwar il-qgħad għat-28 pajjiż membru.
Dawn juru li Malta, bejn l-2014 u l-2015, naqqset il-qgħad b’0.4% għal medja ta’ 5.4%, waqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena żdied b’0.1% għal 11.8%.
Min-naħa l-oħra, naqas il-qgħad fuq tul ta’ żmien, minn 46.9% fl-2014 għal 43.6% fl-2015.