Il-qgħad f’Diċembru kompla jonqos

Il-qgħad f’Diċembru niżel b’1,114-il ruħ meta mqabbel ma’ Diċembru tal-2013, u b’214 meta mqabbel ma’ Novembru li għadda.
Fl-aħħar xahar tas-sena, dawk jirreġistraw għax-xogħol kienu b’kollox 6,287.
Ċifri ppubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li dawk jirreġistraw għax-xogħol f’Diċembru li għadda naqsu f’kull età u f’kull kategorija.
L-ikbar tnaqqis kien fost dawk li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol bejn ħames xhur u sena.
Kien hemm ukoll 84 persuna b’diżabilità inqas tirreġistra għax-xogħol.
Waqt li ċ-ċifri huma pożittivi għal Malta bħala gżira, u juru tnaqqis fuq sena ta’ 1,150 ruħ u ta’ 238 ruħ f’xahar, min-naħa l-oħra dawk jirreġistraw għax-xogħol f’Għawdex żdiedu – b’36 ruħ fuq bażi ta’ sena, u b’24 ruħ f’xahar bejn Novembru u Diċembru li għadda.
Skont l-NSO ukoll, ir-rata ta’ qgħad f’Awwissu li għadda kienet ta’ 3.9%.