“Il-Qbil dwar il-klima mhux se jipprevjeni t-tibdil fl-arja”

130 stat mistennija jattendu għaċ-ċerimonja tal-iffirmar tal-Qbil tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar it-tibdil fil-klima, fil-kwartieri tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York.
Il-ftehim li kien sar f'Diċembru li għadda jgħid li l-pajjiżi li qablu, għandhom jaraw li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont kif maqbul mill-pajjiżi stess.
L-organizzazzjoni Friends of the Earth qalet li “dan il-qbil mhuwiex b’saħħtu u li mhux se jkun qiegħed jipprovdi azzjonijiet li jipprevjenu t-tibdil tal-arja”.
Friends of the Earth talbet lill-gvernijiet sabiex “jipprovdu finanzi, biex pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jibdlu s-soċjetajiet tagħhom u jagħtu ħajja aħjar liċ-ċittadini”.
Sostnew ukoll li dan “il-qbil m’għandux ikun użat biex jintefgħu iktar emissjonijiet b’karbonju fl-atmosfera, bl-iskuża li t-teknoloġija tiġbed lura l-emissjonijiet”.
Issuġġerew li jitwaqqfu proġetti tal-enerġija li jniġġsu l-arja u li pajjiżi żviluppati għandhom jgħinu b'mod finanzjarju lil pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw, biex jieqfu jużaw emissjonijiet li jniġġsu l-arja.
F'Diċembru li għadda Friends of the Earth sostniet li l-ftehim milħuq f’Pariġi, dwar il-bidla fil-klima, ma kienx biżżejjed u li jeħtieġ li l-politiċi jilħqu ftehim dwar pjan biex il-mira tintlaħaq.