Il-Qbajjar jisbaħ b’gaffa fil-bajja

Il-bajja tal-Qbajjar f’Għawdex sfat iddekorata b’gaffa wara li l-alka ma tneħħietx tul sajf sħiħ.

Dan kien il-kliem ta’ persuna li kkuntattjat lil Newsbook.com.mt, tilmenta kif il-Ħadd filgħodu, f’ġurnata meta n-nies ikunu jridu jgħumu, inġabet gaffa biex tnaddaf il-bajja mill-alka.

Newsbook.com.mt ikkuntattjat lill-Professur Alan Deidun, l-ambaxxatur Malti għall-oċeani, biex tistaqsi xi mistoqsijiet dwar l-alka.

“Allaħares ma tkunx hi li tagħti l-ħajja lill-baħar!” Dan kien kliemu dwar l-alka, li tipproduċi ħafna ossiġnu.

Però, huwa stqarr li jifhem li n-nies ikunu jridu jgħumu, u għalhekk għandha titnaddaf, iżda mhux b’mezzi goffi bħal gaffa, bħal ma ġara fil-Qbajjar.

“L-alka għandha titnaddaf, iżda mhux b’guffaġni; din tagħmel ħafna ħsara lill-bajja, għax jibda jittiekel ukoll ir-ramel ta’ taħtha. Din ukoll twaqqaf lin-nies milli jgħumu.”

Huwa żied jgħid ukoll li f’nofs sajf mhux ħinu; l-aħjar żmien li titnaddaf l-alka hija f’Mejju, li hu la kmieni u qas tard. Ma titnaddafx qabel peress li hi tipproteġi r-ramel li jinsab taħtha mill-mewġ li jfittxu biex jiekluh.