Il-qawwiet tad-dinja qed ifittxu skuża biex jeqirdu s-Sirja

 “L-aħħar żviluppi fil-gwerra tas-Sirja juru li ħadd ma jrid iħalli lil dan il-pajjiż bi kwietu, anzi l-atturi reġjonali u l-potenzi mondjali jidhru li huma determinati li jsibu skuża għal interventi aktar ħorox biex itawlu l-ġlied”.
Dan qalu l-Vigarju Apostoliku ta’ Aleppo, Mons. Georges Abou Khazen, meta tkellem dwar it-tensjoni li dejjem qed tikber fil-pajjiż partikolarment wara l-attakk fuq Douma.
Sorsi tal-Oppożizzjoni jikkundannaw l-attakk bl-armi kimiċi; Damasku jiċħad dawn l-akkużi. Fin-Nazzjonijiet Magħquda d-differenzi bejn l-Istati Uniti u r-Russja li jistgħu jispiċċaw f’konflitt qawwi fil-pajjiż.
Meta rrefera għal Douma, l-Amministratur Apostoliku fakkar li s-“Sirja qed titlob lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda biex jibgħat Kummissjoni ta’ Inkjesta, iżda l-forzi kontra Assad (l-Amerika, l-Ingilterra u Franza) iridu jimxu bil-ponn tal-ħadid u mhuma lesti jaċċettaw ebda kompromess”.
Il-President Amerikan u l-alleati tiegħu attakkaw s-Sirja f’nofs il-ġimgħa b’risposta b’saħħitha għal dak li qed isejjaħ “attakk barbaru” tal-mexxej Sirjan kontra l-popolazzjoni ta’ Douma.
Sorsi qed jgħidu li madwar 60 persuna nqatlu f’dan l-attakk b’armi kimiċi, fosthom nisa u tfal, filwaqt li madwar elf persuna oħra sfaw feruti.
Fil-kuntest ta’ akkużi kontra akkużi u l-vjolenza dejjem tiżdied, l-appell tal-Papa Franġisku għall-paċi jibqa’ wieħed ċentrali. “Il-kliem tal-appell tal-Papa, jidwi l-pożizzjoni tagħna u x-xewqa kbira tagħna għall-paċi. Quddiem dawn l-attakki u t-theddid, il-poplu hu mbeżża’. Ma nafx xi nbidel f’dawn l-aħħar ġimgħat iżda qed naraw li kulħadd qed ifittex xi skuża biex jeqirdu lil pajjiżna”, qal Mons. Khazen.
Il-Vigarju jittama li l-loġika tad-djalogu u l-paċi tirbaħ u għal dan jitlob kuljum. “Se nagħmlu ġurnata ta’ talb għall-paċi. Għandna bżonn insibu soluzzjoni ġusta. Iżda mingħajr il-verità u bit-tkomplija tal-gideb, se jkun diffiċli li naslu. U se jerġgħu jkunu l-familji Sirjani li jħallsu prezz qares, familji li diġà huma mkissra ekonomikament, soċjalment u moralment minn dan il-ġlied kontinwu” temm jgħid.