Il-qawwa tal-virus turi l-ġenn tal-gwerra – Nazzjonijiet Magħquda

Talba għal waqfien immedjat tal-ġlied madwar id-dinja

REUTERS/Leonhard Foeger

Read in English.

“Il-qawwa tal-virus turi l-ġenn tal-gwerra,” qal. “Huwa għalhekk li llum qed nitlob għal waqfien immedjat mill-ġlied madwar id-dinja kollha. Issa huwa ż-żmien li nwaqqfu għal kollox il-gwerer u l-ġlied bl-armi, u niffukaw flimkien fuq il-battalja li bħalissa qed thedded il-ħajja ta’ kulħadd.”

F’appell li ħareġ nhar it-Tnejn, is-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres ħeġġeġ lill-partijiet kollha madwar id-dinja biex iwarrbu l-armi tagħhom u minflok jappoġġjaw il-ġlieda akbar kontra l-COVID-19: l-għadu komuni li issa qed jhedded lill-umanità kollha.

Il-waqfien mill-ġlied jista’ jippermetti lill-gruppi ta’ ħidma umanitarja biex jilħqu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli għall-firxa tal-COVID-19, li feġġet l-ewwel f’Wuhan, fiċ-Ċina f’Diċembru li għadda, u li issa ġiet irrappurtata f’aktar minn 180 pajjiż.

S’issa hemm kważi 300,000 każ madwar id-dinja, b’aktar minn 12,700 pazjent li mietu, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Kif indika l-Kap tan-NU, il-virus tal-COVID-19 ma jinteressahx minn nazzjonalità jew etniċità, jew differenzi oħra bejn in-nies, u dan “jattakka lil kulħadd, mingħajr ħniena”, anke matul il-gwerra.

Huma dawk l-aktar vulnerabbli – in-nisa u t-tfal, persuni b’diżabilitajiet, dawk li huma mwarrba mis-soċjetà, dawk li tilfu djarhom, ir-refuġjati – li jħallsu l-ogħla prezz matul il-gwerer, u li huma l-aktar f’riskju li jsofru “telf devastanti” minn din il-pandemija.

Barra minn dan, is-sistemi tas-saħħa f’pajjiżi mkissra mill-gwerer sikwit ikunu waslu fil-punt tal-kollass, filwaqt li n-numru żgħir ta’ professjonisti tas-saħħa li jkunu għadhom joperaw ukoll ikunu fil-mira ta’ attakki. 

Il-Kap tan-NU talab lill-partijiet li qed jiġġieldu sabiex iwaqqfu l-ġlied, iwarrbu kull differenza ta’ bejniethom, u biex “joħonqu l-armi, iwaqqfu l-artillerija, itemmu l-attakki mill-ajru.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn