Il-qattus li jista’ jaqlibha lill-Prim Ministru ta’ New Zealand

Ritratt; Facebook/Il-paġna ta’ Facebok The Wondrous Adventures of Mittens

Read in English.

Mittens, qattus famuż minn Wellington fi New Zealand, jinsab fil-ġirja biex jiġi vvutat bħala n-New Zealander tas-Sena. Il-qattus se joħodha kontra l-Prim Ministru Jacinda Ardern u d-Direttur Ġenerali tas-Saħħa Dr Ashley Bloomfield.

Il-qattus jingħaqad ma’ għadd ta’ persuni nominati għall-għotja annwali tal-premju Kiwibank, inklużi persuni minn setturi bħall-politika, il-midja, is-saħħa, il-mużika u d-disinn.

Mittens sar ċelebrità wara li n-nies tal-post fil-belt kapitali tal-pajjiż ta’ New Zealand bdew jiddokumentaw l-avventuri tiegħu madwar il-belt. Il-qattus, tar-razza Angora Turk, għandu l-paġna  tiegħu  fuq Facebook bl-isem ta’ The Wondrous Adventures of Mittens b’aktar minn 52,000 membru.

Il-Mużew ta’ Wellington iddedika wkoll wirja żgħira lil Mittens u l-avventuri tiegħu bl-isem ta’ Floofy and Famous. F’Mejju, is-sindku Andy Foster ta’ Wellington, ta lil Mittens iċ-Ċavetta għall-Belt, unur li qabel kien ingħata lid-direttur Peter Jackson ta’ The Lord of the Rings. Mittens ingħata l-unur “bħala rikonoxximent għax iġib ferħ, daħk u coolness fil-kapitali u jpoġġi l-belt fuq il-mappa internazzjonali b’dak li jagħmel”, skont stqarrija tal-Gvern.