Il-qattiel ta’ Sylvana Muscat fost l-aktar imfittxija fl-Ewropa

Nour Eddine Ibrahim Hamid, Libjan ta’ 34 sena li sentejn ilu qatel lill-eks mara tiegħu Sylvana Muscat f’Bugibba jinsab fuq il-lista tal-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa.
Fil-Europal, kampanja fuq l-internet dwar l-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa, tgħid li wara li ħarab minn Malta r-raġel kien mar f’Dublin, l-Irlanda.
Sylvana Muscat kienet inqatlet f’appartament f’Bugibba sena wara li kienu żżewġu. Hija nqatlet b’ħames daqqiet ta’ sikkina u kienet instabet mixħuta mejta fuq is-sodda.
Il-koppja kienet għaddejja bil-proċess ta’ separazzjoni u l-mara kienet irrapportat kemm-il darba vjolenza domestika fil-konfront tal-Libjan.
Jum qabel ma nstab il-katavru tal-mara, Ibrahim Hamid ħarab minn Malta lejn Bergamo fl-Italja u kien telaq il-karozza tiegħu pparkkjata fl-Ajruport.