Il-qattiel ta’ Pariġi aktarx ‘ċittadin Franċiż t’oriġini Ċeċnija’

Ir-raġel li lbieraħ inqatel mill-Pulizija Franċiża wara attakk qattiel stil ISIS aktarx hu ta’ oriġini Ċeċnija, ir-repubblika Russa.
Il-midja internazzjonali identifikatu bħala Khamzat Asimov ta’ 21 sena, ċittadin Franċiż li kien imniżżel fil-lista ta’ persuni li setgħu jkunu ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali fil-pajjiż.
L-attakk seħħ ilbieraħ billejl, xħin iż-żagħżugħ aggredixxa persuna oħra b’sikkina fid-distrett tal-Opri fiċ-ċentru ta’ Pariġi.
Fl-attak miet il-persuna aggredita, u l-Pulizija aktar tard qatlet ukoll lill-aggressur.
Intqal li waqt l-attakk l-aggressur instema’ jgħajjat “Allah hu l-Akbar”. Aktar tard il-grupp Iżlamiku ISIS ikkomunika li hu kien il-moħħ wara l-attakk.
F’messaġġ fuq Twitter, il-President Franċiż Emmanuel Macron faħħar lill-uffiċjali li rnexxielhom jinnewtralizzaw lit-terrorist u qal li għal darb’oħra Franza ħalset prezz għoli iżda ma tħallewx javanzaw dawk li hu sejħilhom “għedewwa tal-libertà”.
Fl-aħħar tliet snin fi Franza mietu 230 persuna minħabba attakki simili, ispirati jew imwettqa mill-ISIS.
Madankollu, l-informazzjoni mogħtija hawn fuq dwar l-identità tal-aggressur għadha mhix ikkonfermata mill-awtoritajiet Franċiżi.