Il-qattiel ta’ John Lennon irrifjutat il-parole

Il-qattiel ta’ John Lennon, Mark Chapman ġie rrifjutat il-parole għall-għaxar darba. Uffiċjali qalu li hemm bżonn li jinżamm minn tal-inqas sentejn oħra qabel ma jkun eliġibli.

Chapman li issa għandu 63 sena deher quddiem bord ta’ tliet persuni. Id-deċiżjoni li tiġi rrifjutata l-parole ittieħdet minħabba li jemmnu li jekk jinħeles ikunu qed jgħaddu messaġġ negattiv lis-soċjetà u jonqsu mir-rispett meta wieħed jikkunsidra s-serjeta tal-kriminalità mwettqa.

Dan minkejja li dan huwa l-unika reat li Chapman qatt wettaq skont ir-rekord kriminali tiegħu. L-aġir tiegħu waqt li kien qed jiskont s-sentenza ħabs mill-1994 ‘l hawn kien wieħed tajjeb u għaldaqstant huwa sostnut li hemm riskju żgħir ħafna li jerġa’ jwettaq reat ieħor. Madanakollu dan ma kienx biżżejjed għall-ħelsien tiegħu.

Sostnew li l-qtil ta’ John Lennon kien wieħed ippjanat, iżda bla raġuni jew motivazzjoni.

Il-mara ta’ Lennon, Yoko Ono, li llum għandha 85 sena opponiet il-ħelsien tiegħu għax tibża’ li dan jista’ jpoġġi ħajjitha u ż-żewġ uliedha, Julian u Sean f’periklu. Spjegat ukoll li Chapman jista’ jispiċċa vittma hu stess ta’ ammiraturi ta’ John Lennon li qatt ma ħafrulu ta’ li għamel.

Chapman qed jiskonta sentenza ta’ ħajtu l-ħabs wara li fl-1980 qatel lill-kantant tal-Beatles waqt li dan kien sejjer lura d-dar wara li għamel lejl jirrekordja l-mużika tiegħu. Il-qattiel spara ħames tiri barra l-appartament tal-kantant f’Dakota fejn laqat lil Lennon erba’ darbiet quddiem martu u persuni oħra. Lennon kellu 40 sena.