Il-qassis tal-iskis jagħlaq 70 sena saċerdot

Read in English.

Għada 2 ta’ April, Dun Frans Schembri jagħlaq 70 sena qassis u il-Ħadd iċċelebra din l-okkazjoni fil-knisja parrokkjali ta’ B’Buġia. Huwa l-iktar saċerdot djoċesan anzjan fid-djoċesi ta’ Malta. Illum hu irtirat u jgħix fid-dar tal-Kleru f’B’Kara.

“Qassis qrib in-nies”

“Ilni naf lil Dun Frans għal ħafna snin u ħdimt miegħu fuq diversi proġetti”, qal lil Newsbook.com.mt Dun Joe Borg, chairman tal-Bord Editorjali ta’ Beacon Media Group.

“Ħafna jafu li Dun Frans kien skier tajjeb ħafna u għawwien ta’ saħħa. Hemm bosta affarijiet oħra x’tista’ tgħid fuqu iżda probabbilment l-aktar ħaġa importanti li tgħid hija li Dun Frans qassis qaddis li dejjem kien qrib in-nies biex jaqdi lin-nies.”

Dun Frans huwa oriġinarjament minn Ħal Tarxien għalkemm ismu huwa assoċjat ma’ B’Buġia. Huwa twieled fil 21 ta’ Mejju 1924 u sar saċerdot fit-2  ta’ April 1949. Ħadem fil-parroċċa ta’ Birżebbuġa għal snin twal, kien jaħdem ukoll fis-Seminarju fejn introduċa l-isports u fl-iskejjel bħala spiritual director. Għal 16 il-sena kien addetto locale fin-Nunzjatura Appostolika. Għal snin twal kien direttur tal-Istitut Kattoliku fil-Furjana u ħadem ukoll fl-Uffiċċju Kleru fil-Kurja.

“Intelliġenti, sportiv, ċajtier”

Dun Joe kompla jiddeskrivi lil Dun Frans bħala bnieded li “Għandu sense of humour fin ħafna u intelliġenza mhux komuni. Forsi kelma eżatta hija li kien shrewd fl-aktar sens pożittiv tal-kelma.”

Dun Frans kien biedem sportiv, jgħum matul is-sena kollha u darba fis-sena jmur jiskijja fuq il-muntanji. Din l-attivita sportiva x’aktarx li salvatlu ħajtu meta diversi snin ilu kien imtajjar minn karrozza. Huwa għamel żmien twil f’koma u t-tobba qalu li l-attivita sportiva tatu stamina biex jirbaħ l-inċident li sab ruġu fih.

“Ħaġa li ftit jafu fuq Dun Frans hija li għal snin kbar ikkontribwixxa kull ġimgħa għal aktar gazzetta popolari f’Malta.”

Newsbook.com.mt jawgura lil Dun Frans ad multos annos.